Il-Ġimgħa filgħodu, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela sebaħ qalb in-nies f’Ħaż-Żebbuġ, bħala parti mill-kampanja elettorali ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, li se twassal għall-appuntament elettorali li jmiss tat-8 ta’ Ġunju.
Il-Prim Ministru, flimkien ma’ diversi membri Parlamentari u tal-Kabinett, is-Sindku, kunsillieri u kandidati għall-elezzjoni tal-Kunsill tal-istess lokalità, u kandidati għall-Parlament Ewropew, tkellem ma’ dawk preżenti dwar diversi temi, li l-aktar jaffetwaw lil-lokal tagħhom.
Dr Abela żar ukoll diversi negozji, ċentri u s-soċjetajiet mużikali fil-lokal. F’din iż-żjara qalb in-nies, hu tkellem mas-sidien u ma’ dawk li kienu qed jieħdu xi kafè jew jagħmlu x-xirja ta’ kuljum.