Ix-xogħol preparatorju fis-sit fejn se jkun żviluppat iċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport f’Ħal Far kompla għaddej b’aktar tindif biex b’hekk setgħu jitlestew is-surveys neċessarji marbutin mal-proġett kollu. B’hekk issa dawn is-surveys ingħalqu kollha.
L-aħħar tindif li sar kien proprju fejn se jsir iċ-ċirkwit tat-trakka l-ġdida tal-motorsport. Id-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni beda din il-ħidma f’Novembru li għadda u sal-4 ta’ April tneħħew madwar 24,875 tunellata ta’ skart tal-kostruzzjoni permezz ta’ 995 vjaġġ b’25 tunellata ta’ skart kull vjaġġ.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima qal, “Illum qed naraw aktar ħidma għaddejja flimkien ma’ aktar entitajiet, u b’hekk qed inkomplu nikkonfermaw l-impenn tal-Gvern f’dan il-proġett. L-art li fuqha se jsir il-proġett issa ġiet konsolidata u tinsab f’idejn SportMalta, li min-naħa tagħha se tgħaddi din l-art lill-Malta Motorsport Federeation għat-twettiq tal-Kumpless li se jkun l-aqwa tat-tip tiegħu fil-Mediterran.”
Il-proġett tal-Kumpless tal-Motorsport f’Ħal Far se jkun qed jassigura li jsaħħaħ id-Drag Racing u l-Karting Track li diġà huma eżistenti, filwaqt li jinbena ċirkwit biswit dawn il-faċilitajiet. Dan il-proġett mhu se jieħu l-ebda art li hija ’l barra miż-żoni tal-iżvilupp imma se jsir fuq art li bħalissa diġà tintuża għal attività simili.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Indafa Pubblika Glenn Bedingfield qal li, “Dan huwa proġett li kien imwiegħed minn dan il-gvern, u li se jsir minn dan il-gvern. Dan se jkun proġett tal-ogħla livell u se jservi bħala l-post fejn l-isportivi jistgħu jipprattikaw dan l-isport”.
Is-segretarju parlamentari spjega li d-Diviżjoni tat-Tindif u l-Manutenzjoni tagħmel xogħol ieħor apparti ż-żamma tal-indafa pubblika fit-toroq arterjali u distributorji, tant li qed tinvesti f’makkinarju biex tkun f’pożizzjoni li tagħti sehemha fi proġetti kbar bħal dan taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport.
L-ewwel fażi tax-xogħol taċ-Ċentru Nazzjonali tal-Motorsport, se tiffoka fuq it-trakka tad-Drag Racing b’numru ta’ tibdiliet fil-faċilitajiet u t-trakka nnifisha. Dan se jara titjib infrastrutturali fuq it-trakka eżistenti tad-Drag Racing, li se jwassal biex din il-faċilità issa tkun tista’ tiġi ċċertifikata mill-Federazzjoni Internazzjonali Awtomobilistika (FIA) u b’hekk tidħol b’mod uffiċjali fil-kalendarju tal-FIA. Għalhekk, b’dan ix-xogħol se jkun possibbli li t-trakka tospita attivitajiet ta’ livell internazzjonali tad-Drag Racing.
Duncan Micallef, il-President tal-Malta Motorsport Federation, qal, “Bħala federazzjoni aħna responsabbli għal kull dilettant tal-motorsport li hawn f’Malta, u kulħadd jaf li ilna naħdmu għal dawn l-aħħar snin fuq dan il-proġett li qed isir f’Ħal Far. Illum qed naraw għaddej tindif li huwa parti mill-proġett, fejn se ssir it-trakka. Dan ifisser li l-gvern qed jagħti l-appoġġ kollu lil dan il-proġett, li għalih qed naħdmu id f’id. Dan it-tindif mhux l-ewwel pass, għaliex diġà sar ħafna xogħol, kif se jkompli għaddej fiż-żmien li ġej”.