Il-Kummissjoni Elettorali fi stqarrija avżat lill-kandidati li ser jikkontestaw l-Elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew u għall-Kunsilli Lokali illi huma jistgħu jmorru fl-Uffiċċju tal-Kummissjoni Elettorali, Kumpless tal-Għadd tal-Voti, fin-Naxxar, nhar il-Ħadd it-12 u t-Tnejn it-13 ta’ Mejju, 2024, bejn it-8.00 a.m. u nofsinhar u bejn is-2.00 p.m. u s-6.00 p.m., sabiex jivverifikaw kif ser jidher isimhom u r-ritratt fuq il-polza tal-votazzjoni.
Il-Kandidati Għawdxin jistgħu jmorru fl-Uffiċċju tal-Karta tal-Identita’, 28A, Pjazza San Franġisk, ir-Rabat, Għawdex, fl-istess jiem u ħinijiet.
Kull talba għal xi oġġezzjoni, żieda, tnaqqis jew korrezzjoni fuq il-polza tal-votazzjoni għandha tasal bil-miktub, għand il-Kummissjoni Elettorali sas-6.00 p.m. tat-Tnejn, it-13 ta’ Mejju, 2024.