Il-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali, Stefan Zrinzo Azzopardi, ħabbar li l-Gvern qed jagħti impenn ċar li l-art li hija proprjetà tal-Gvern li tinsab fiż-żona magħrufa bħala Tal-Bebbux, fiż-Żurrieq, se tintuża biss għal proġetti ta’ benefiċċju soċjali u ta’ ħtieġa għall-komunità taż-Żurrieq.
Din il-pożizzjoni ttieħdet wara li ġiet meqjusa s-sottomissjoni magħmula mill-kunsill lokali fil-proċess tal-applikazzjoni PC00068/22 quddiem l-Awtorità tal-Ippjanar. Din l-applikazzjoni saret biex ikunu stabbiliti t-toroq, l-użu u l-għoli tal-bini fiż-żona.
Fl-2006 Gvern Nazzjonalista mmexxi minn GonziPN, b’George Puluccino l-Ministru tal-Ambjent ta’ dak iż-żmien, kien daħħal din l-art fiż-żona ta’ żvilupp permezz tat-tibdil li sar fil-Pjan Lokalital-inħawi bil-Liġi tar-Razzjonalizzazzjoni taż-żoni tal-iżvilupp.
Il-Gvern huwa kommess li din l-art tibqa’ art proprjetà tal-Gvern.
Dwar l-aħjar użu ta’ din l-art, il-Gvern se jkun qed iqis liema proġetti bi skop soċjali u għall-benefiċċju tal-komunità taż-Żurrieq huma meħtieġa. Fiż-żmien li ġej, il-Gvern se jkompli b’aktar diskussjonijiet, fost l-oħrajn mal-Kunsill Lokali taż-Żurrieq. Dan wara li l-ministru kellu diskussjoni mal-istess kunsill fuq il-pożizzjoni li dan ħa u ssottometta mal-Awtorità tal-Ippjanar.
Fid-dawl ta’ dan, se jkunu qed isiru s-sottomissjonijiet meħtieġa biex l-Awtorità tal-Ippjanar tkun infurmata bil-pożizzjoni tal-Gvern biex jitqiesu fil-kunsiderazzjonijiet tagħha dwar l-applikazzjoni PC00068/22.
Il-Gvern se jibqa’ kommess li jsir l-aħjar użu minn din l-art fl-aħjar interess tal-komunità taż-Żurrieq.
Sadanittant, din l-aħbar ġiet propju l-għada li f’Marsaxlokk il-Prim Ministru Robert Abela ħabbar ħidma mill-Gvern sabiex art agrikola f’Bulebel ikun assigurat li ma tiġix żviluppata.
“Illum ninsab f’pożizzjoni li nikkonferma li l-pjan lokali għal dak li jolqtot iż-Żona Industrijali ta’ Bulebel se jkun qed jiġi modifikat biex wieħed jiżgura darba għal dejjem li mhux se jkun hemm żvilupp hemmhekk li jolqot art agrikola. L-art agrikola, kienet art agrikola, kienet raba u hekk se tibqa’.”
il-Prim Ministru Robert Abela