Fost ġemgħa mdaqqsa ta’ żgħażagħ u f’nofs entużjażmu kbir, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela attenda għall-ftuħ tal-kampanja ‘Start’ tal-fergħa Żgħażagħ Laburisti fi ħdan il-Partit Laburista. Il-kampanja, li tnediet fl-Esplora fil-Kalkara, twiegħed li tkun l-uniku kampanja elettorali miż-żgħażagħ għaż-żagħżagħ f’pajjiżna.
Fl-introduzzjoni dwar il-kunċett kollu wara din il-kampanja, il-President taż-Żgħażagħ Laburisti, Georvin Bugeja, semma kif qed tinħoloq pjattaforma liż-żgħażagħ kollha fejn għandhom iċ-ċans li jisfidaw l-istatus quo u jiddeċiedu huma liema futur jixtiequ għal pajjiżna.
Qal li dan ukoll fil-kuntest li numru ta’ żgħażagħ ta’ 16 u 17-il sena se jivvotaw għall-ewwel darba u huma wkoll kandidati bis-saħħa tal-Gvern Laburista.
Fid-diskors tiegħu, il-Prim Ministru Robert Abela semma kif laqgħa bħal din tkompli tikkonferma kemm iż-żgħażagħ għandhom attiviżmu b’saħħtu u min jgħid li mhux veru, ma jafx x’qed jgħid. Semma kif din l-elezzjoni tikkonferma kemm kienet deċiżjoni tajba u kuraġġjuża li ddaħħal l-Vot 16.
Irrimarka li jrid li ż-żgħażagħ ikunu aktar b’saħħithom b’diskussjonijiet aktar kontroversjali, bħal fejn tidħol is-saħħa mentali jew dik sesswali, is-sitwazzjonijiet ġeo-politiċi, kif ukoll il-populiżmu.
Tenna li forums bħal dawn għandhom jibqgħu joffru pjattaformi għal diskussjonijiet bil-kumdità u mhux nixħtuhom taħt it-tapit. Faħħar kif dan il-pajjiż għandu mhux biss il-mexxejja tal-futur, imma tal-lum ukoll.
Fost il-punti li tqajmu kien hemm dawk relatati mal-implimentazzjoni tal-ideat tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, il-komunitajiet fil-lokalitajiet tagħna, l-opportunitajiet li għandu jkollhom żgħażagħ wara li jtemmu l-edukazzjoni tagħhom, l-għajnuniet li qed isibu, l-ambjent u l-ispazji miftuħa għal ħinijiet ta’ rilassament kif ukoll l-ħidma favur il-paċi.
Fost interventi oħrajn li kien hemm, tkellmu l-Ministru responsabbli mill-qasam taż-żgħażagħ, Clifton Grima, id-Deputat Laburista Alex Muscat u diversi kandidati żagħżagħ.