Għaddej b’ritmu mgħaġġel il-proġett tal-bini ta’ grawnd ġdid tal-futbol b’investiment ta’ madwar €14.3 miljun li, permezz tiegħu, se jgawdu kemm l-istudenti kif ukoll il-komunità tan-Naxxar.
Waqt żjara fuq is-sit fejn qed isir dan il-proġett, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, qal li dan il-proġett se jwassal biex it-tfal ta’ din il-lokalità jkunu jistgħu jitħarrġu b’mod sigur u f’ambjent sabiħ.
Proġett li qed iwassal biex titwettaq ukoll wegħda elettorali oħra.
Fil-kumpless edukattiv fin-Naxxar bħalissa qed jinbena grawnd li se jikkumplimenta l-faċilitajiet sportivi eżistenti fil-cluster ta’ skejjel li hemm fin-Naxxar, prinċipalment il-Giovanni Curmi Higher Secondary, l-Iskola Medja fil-Kulleġġ Maria Reġina u l-Language Induction Hub, li jifforma parti mill-istess Kulleġġ.
Dan il-grawnd se jkun mifrux fuq 9,800 metru kwadru u se jkun jinkludi pitch għal-logħob 11-a-side u stand għall-ispettaturi. Minbarra dawn, se jkun hemm bosta faċilitajiet oħrajn, fosthom gymnasium, faċilitajiet sanitarji, showers u changing rooms. Taħt il-grawnd se jkun hemm parkeġġ għal madwar 500 karozza.
Kif spjegat il-Perit Tiziana Calleja mill-Fondazzjoni għall-Iskejjel t’Għada, ix-xogħol ta’ skavar tas-sit kif ukoll tal-mina li se tgħaqqad il-grawnd mal-iskola, kienu lesti f’Ottubru li għadda, waqt li xahar wara bdiet il-binja nnifisha.
“Dan il-proġett qed jikkonsisti f’parking taħt l-art u grawnd tal-futbol fuqu. Kif qed taraw ix-xogħol ta’ kostruzzjoni għaddej, fejn kważi 60% tal-proġett hu lest. Fil-programme of works mexjin ħafna wkoll kważi 10% u dan il-proġett għandu jitlesta sa Novembru ta’ din is-sena.”
Il-Ministru Grima qal li l-investiment mhux biss hu marbut ma’ faċilitajiet sportivi nazzjonali, li ngħataw livell internazzjonali, imma qed isir investiment fl-infrastruttura sportiva fis-settur edukattiv.
“Permezz ta’ dan l-investiment qed inkomplu nikkonfermaw kemm qed inkomplu noħolqu spazji rikreattivi, miftuħa u sportivi fil-komunitajiet tagħna.”