Dalgħodu 52 membru tal-Korp tal-Pulizija ingħataw l-ħatra fil-kariga ta’ surġent f’ċerimonja li saret fil-Kwartieri Ġenerali tal-Pulizija ippreseduta mill-Ministru għall-Intern u Sigurta’ Nazzjonali Carmelo Abela u l-Kummissarju tal-Pulizija Lawrence Cutajar. Dawn huma imqassma 45 raġel u 7 nisa surġenti.
Il-Ministru semma li l-maġġoranza ta’ dawn is-surġenti ġodda ser ikunu stazzjoni fid-distretti għal iżjed ħarsien tas-soċjeta.
Innota kif il-Gvern jemmen fil-kariga ta’ Surġent tant li taħt din l-amministrazzjoni laħqu 167 surġent wara li tal-inqas ikunu servew 3 snin servizz, jgħaddu mill-iskrutinju ta’ bord ta’ għażla, jkunu segwew it-taħriġ u għaddew mill-eżamijiet meħtieġa. Fi kliem il-Ministru Abela “ir-rwol ta’ Surġent hu meqjus bħala s-sinsla tal-Korp u għandu rwol kemm investigattiv, dixxiplinarju u amministrattiv”.
Hekk kif illum jimmarka wkoll il-jum internazzjonali iddedikat għaċ-ċelebrazzjoni tal-Mara, l-Ministru Abela saħaq fuq ir-rwol importanti tal-mara f’Korp Dixxiplinat modern. Qal li 20% tal-Korp tal-Pulizija li tfisser madwar 430 membru huma nisa, numru meqjus bħala inkuraġġanti.
Żied jgħid li meta wieħed iħares lejn l-erba’ Korpi Dixxiplinati isib li madwar 560 membru huma nisa li jinkludu wkoll 96 mara suldat fl-Armata u 36 mara Uffiċjal Korrettiv. Dan ifisser li bħala persentaġġ 12% tal-Forzi Dixxiplinati huma nisa. Semma’ kif din il-figura tqawwi lill-Gvern biex ikompi jaħdem biex jinċentiva aktar nisa jaqbdu karriera dixxiplinata. Innota’ kif l-aħħar reklutaġġi wrew xejriet pożittivi fejn iżjed nisa qed jinteressaw ruħhom f’din it-tip ta’ vokazzjoni.
Il-Ministru Abela qal li llum il-mara f’Korpi Dixxiplinat qed jirnexxilha tikseb rwoli u responsabbiltajiet li tradizzjonalment huma assoċjati mas-sess maskili. Tkellem kif filfatt dawn qed jilħqu livelli għolja fejn fil-Pulizija dawn ilaħqu sal-livell ta’ Supretendent u fl-Armata sal-livell ta’ Lt. Kulunell. Qal li l-Gvern ser ikompli joħloq aktar miżuri “family friendly” sabiex in-nisa jkunu jistgħu jilħqu bilanċ akbar bejn ix-xogħol tal-familja u l-avvanz tal-karriera tagħhom.
Ritratt: DOI