Mario Genovese rebaħ il-kompetizzjoni nazzjonali tat-table tennis riservata għall-plejers veterani li saret fil-Padiljun Sportiv tal-Universita’.
Genovese kellu wirja konsistenti fil-fażi eliminatorja wara li fil-grupp tiegħu spiċċa fit-tieni post wara David Pace u quddiem Malcolm Pace Debono.
Fil-kwarti tal-finali, Genovese għeleb lil Mark Azzopardi 3-0 sabiex fis-semifinali kellu jaffaċċja lil Claudio Tufigno u rebaħlu 3-1.
Fil-finali hu ltaqa’ għal darb’oħra kontra David Pace u rebaħlu 3-2 f’logħba ferm sabiħa u inċerta sal-aħħar li damet siegħa u għoxrin minuta. Fil-fatt, Genovese kien qed jitlef 2-0 iżda rnexxielu jdawwar l-iskor favurih wara rimonta tajba li għamel.