F’Għawdex ittellgħet laqgħa tal-Kunsill Malti għall-Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) li primarjament iffukat fuq is-sostenibbiltà fil-gżira Għawdxija.
Is-Segretarju Parlamentari għad-Djalogu Soċjali Andy Ellul indirizza din il-laqgħa u enfasizza fuq l-importanza tad-djalogu soċjali. Tenna li flimkien mal-imsieħba soċjali f’Għawdex, il-gvern qed ikompli jisma’ u jiddjaloga dwar il-futur tal-gżira Għawdxija, u għamel aċċenn fuq il-ħidma li diġà twettqet minn dan il-gvern permezz tal-Ministeru għal Għawdex.
Huwa stqarr ukoll fuq kemm huwa importanti li ta’ kull sena l-MCESD jibqa’ jiltaqa’ mal-imsieħba soċjali f’Għawdex, sabiex ikun hemm ħidma kontinwa fuq il-prijoritajiet ta’ pajjiżna, inkluż f’oqsma bħas-sostenibbiltà.
“Bħala Gvern impenjati li nkomplu nisimgħu, nibqgħu naħdmu biex naraw li kulħadd jilħaq l-aspirazzjonijiet tiegħu fis-soċjetà u nibqgħu nkunu ta’ sapport għan-negozji tagħna. Dan il-Gvern qatt ma beża’ jimplimenta proġetti ġodda u ambizzjużi għall-ġid tar-residenti Għawdxin u Maltin. Għaldaqstant kommessi li nkomplu nisimgħu u nitkellmu magħkom sabiex naraw li nibqgħu mixjin ’il quddiem b’mod sostenibbli,” temm jgħid is-Segretarju Parlamentari Ellul.
Preżenti wkoll għal din il-laqgħa kien hemm il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar Clint Camilleri li spjega l-ħidma li qed issir mill-Gvern sabiex jassigura u jġib il-prosperità ekonomika u soċjali f’Għawdex, dan filwaqt li jieħu inkonsiderazzjoni l-karatteristiċi uniċi u distinti ta’ din il-gżira. Semma wkoll il-bidla li saret riċentement f’waħda mill-policies tal-Awtorità tal-Ippjanar fejn ġie stabbilit li kull żvilupp fiż-żoni urbani kollha ta’ Għawdex irid ikollu l-faċċata mibnija bil-ġebla tal-franka.