Kienet semi-finali oħra mill-isbaħ dik li rat lil Sliema Wanderers jegħlbu lil Birkirkara bl-iskor minimu ta’ 1-0 wara l-ħin barrani biex b’hekk se jkunu qed jaffrontaw lir-rivali antiki Floriana fil-finali ta’ nhar il-Ħadd.
Kienu Birkirkara li ħolqu l-ewwel periklu fit-12-il minuta permezz ta’ xutt minn barra l-kaxxa ta’ Paul Mbong li għadda għoli.
Sliema wieġbu fit-28 minuta permezz ta’ freekick insidjuż u ċentrali ta’ Samuel Gomes da Mata li ġie salvat minn mal-art mingħajr wisq diffikultá mill-goalkeeper Pollakk ta’ Birkirkara, Marcel Zapytowsky.
L-Istripes reġgħu ħolqu l-periklu fl-40 minuta meta Alex Satariano għadda tajjeb lejn Kurt Zammit li kellu x-xutt tiegħu mid-distanza salvat bi bravura mill-goalkeeper ta’ Sliema Wanderers, Rashed Al Tumi.
Fil-45 minuta, Vito Plut għall-Wanderers, kellu l-konklużjoni tiegħu mill-viċin salvata minn Zapytowski, bl-attakkant Sloven hawnhekk żgur li seta’ għamel ħafna aħjar.
Birkirkara tilfu ċans tad-deheb li jiftħu l-iskor fil-62 minuta meta Enmy Manuel Pena Beltre għadda bir-ras lejn Simon Zibo li kellu x-xutt tiegħu devjat f’corner minn Myles Beerman b’siequ x-xellugija.
Fis-66 minuta freekick ta’ Geoffrey Edwin Acheampong għall-Blues għadda għoli.
L-Istripes reġgħu resqu viċin li jmorru fil-vantaġġ erba’ minuti wara meta Maxuell Maia ġie wiċċ imb’wiċċ ma’ Al Tumi u ra lil dan tal-aħħar isalva tajjeb iżda ma żammx, biex Alex Satariano reġa’ ra lil Al Tumi iċaħħad lill-Istripes milli jsibu x-xibka.
Huma komplew jiddettaw il-logħob u fl-84 minuta Alex Satariano serva fuq platt tal-fidda lil Paul Mbong li żmarkat avvanza tajjeb fil-kaxxa u kellu x-xutt tiegħu minn pożizzjoni ferm ideali salvat bi bravura minn Al Tumi, biex salva goal ċert.
Kulma jmur kompla l-assedju tal-Istripes fuq il-lasti tal-Wanderers u żewġ minuti biss wara Alessandro Coppola xeħet cross mil-lemin li sab lil Paul Mbong li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu mill-viċin tintemm għoli.
Fil-ħin miżjud minn azzjoni ta’ corner Paul Mbong dejjem għall-Karkariżi xeħet cross lejn il-captain Enrico Pepe li kellu d-daqqa ta’ ras tiegħu minn taħt il-lasta tintemm għoli.
L-iskor sa tmiem id-90 minuta baqa’ ma nbidilx, bil-partita jkollha tmur għall-ħin barrani.
Sliema resqu viċin fil-104 minuta meta minn cross mil-lemin, s-sostitut Edmond Agius, li kien ilu biss żewġ minuti fil-ground, ma rnexxilux jagħmel kuntatt mal-ballun, bl-azzjoni tisfuma fix-xejn.
Huma reġgħu ħolqu l-periklu tliet minuti wara permezz ta’ freekick ta’ Edmond Agius li iżda ġie salvat mingħajr diffikultá minn Zapytowski.
Ta’ nota huwa l-fatt li fil-ftuħ tat-tieni taqsima tal-ħin barrani daħal jilgħab is-sostitut Andrea Zammit għal Birkirkara fejn ħa post Paul Mbong, biex b’hekk kien qed jaffronta lil missieru Paul Zammit bħala coach ta’ Sliema.
Fil-108 minuta Sliema ipprotestaw bil-qawwa għall-penalty meta Simon Zibo deher iwaqqa’ lil Neil Frendo fil-kaxxa, iżda r-referee Ishmael Barbara ħalla l-logħob għaddej.
Sliema rebħu penalty fil-114-il minuta meta minn żball ta’ Zapytowski, Alessandro Coppola waqa lill-Awad fil-kaxxa bir-referee jordna penalty. Mill-11-il metru inkariga ruħu Joseph Minala li ma żbaljax hekk kif permezz ta’ xutt fil-baxx tefa’ l-ballun naħa u lil Zapytowski in-naħa opposta.
Fil-122 minuta tkeċċa l-player Edmond Agius permezz ta’ karta ħamra diretta għall-Wanderers wara daħla kerha fuq is-sostitut Nicholas James Agius.
Referee: Ishmael Barbara