F’atmosfera mimlija enerġija u ottimiżmu, Thomas Bajada, il-kandidat tal-Partit Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju li ġej, nieda uffiċjalment il-kampanja tiegħu.
L-avveniment, li ttella’ f’Għawdex, kien xhieda tal-appoġġ qawwi li għandu Bajada fost il-poplu Malti u Għawdxi.
Bajada, li ilu involut fil-ħidma Ewropea fejn irrappreżenta lil Malta għal bosta snin, qed jippreżenta viżjoni ċara u progressiva għall-futur tal-Ewropa u ta’ Malta.
Fil-fatt hu enfasizza l-importanza tal-involviment taż-żgħażagħ fil-proċessi demokratici fil-politika u wiegħed li jkun leħen qawwi għalihom fil-Parlament Ewropew.
Fi kliemu, waqt it-tnedija tal-kampanja, Bajada qal li hu essenzjali li nsaħħu l-valuri li jagħmluna uniċi, nipproteġu dak li jagħmilna Maltin u Għawdxin, li jagħmluna poplu magħqud. Magħqud favur il-ħaddiem, favur iż-żgħir, favur il-paċi.
“M’għandna qatt ninsew min aħna, anzi għandna nħaddnu dak li jagħmilna aħna min aħna. Li nqumu filgħodu u nqumu kuntenti b’aħna min aħna. Fuq kollox għandna nipproteġu dak li jagħmilna Maltin, il-lingwa, il-kultura kkulurita tagħna. Irridu nipproteġu lil Għawdex għal dak li hu. Il-wirt kulturali u naturali tiegħu.”
Matul id-diskors tiegħu, Bajada appella għall-għaqda fost il-Maltin kollha u ħeġġeġ lill-parteċipanti biex jibqgħu jaħdmu flimkien biex iġibu bidliet pożittivi fis-soċjetà.
Bajada żied li “flimkien nistgħu niżguraw li l-Moviment Laburista jibqa’ dejjem fil-quċċata mhux biss fl-elezzjonijiet, imma bħala xempju tal-kisbiet li jsiru meta fil-pajjiż tirrenja l-għaqda u mhux il-mibgħeda”, waqt li sostna l-importanza ta’ politika inklussiva u progressiva.
Bajada temm id-diskors tiegħu billi ħeġġeġ lill-membri kollha tal-partit biex joħorġu jivvotaw u jappoġġaw il-kawża komuni għal futur isbaħ għal Malta u l-Ewropa, u appella biex nuru lid-dinja x’nistgħu nagħmlu aħna l-Maltin u Għawdxin meta ningħaqdu flimkien.
Din il-kampanja tmur lil hinn mill-ambitù lokali biex tilħaq l-orizzonti Ewropej u Thomas Bajada sostna li hu lest biex jieħu din l-isfida biex isaħħaħ il-preżenza ta’ Malta fl-isfera Ewropea.