F’diskors pożittiv li wassal l-Erbgħa filgħaxija quddiem folla sabiħa ta’ nies li nġabret fir-Rialto f’Bormla, bħala parti mill-kampanja elettorali ‘Is-Saħħa lill-Maltin’, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista tkellem dwar jum l-għażla.
Robert Abela saħaq kif l-għażla fit-8 ta’ Ġunju hi ċara, bejn partit fil-Gvern, li ma waqafx jinvesti fin-nies, u partit fl-Oppożizzjoni, li moħħu biss fil-gwerer u fl-attakki.
L-għażla tat-8 ta’ Ġunju hi għażla li tmur lil hinn minn hekk, li llum ikolli ngħid li ħadet dimensjoni ġdida, għax dik il-ġurnata trid tiddetermina wkoll jekk dan il-poplu hux se jżomm is-saħħa f’idejh, dik is-saħħa li jiddeċiedi hu u jiddetermina hu l-futur tiegħu.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Robert Abela ma naqasx li jsemmi kif dan hu Gvern li lanqas waqaf jimplimenta proġett wara l-ieħor, miżura wara l-oħra u ħemel ta’ inizjattivi li jolqtu b’mod tajjeb lill-familji, negozji u anke ħaddiema Maltin u Għawdxin.
Mhux biss tajniekom il-COLA, imma saħansitra daħħalna mekkaniżmu ta’ COLA addizzjonali. Lill-pensjonanti tajnihom l-akbar żidiet fl-istorja u ara taħsbu li se nieqfu hawn, għax jagħmlu x’jagħmlu tal-Partit Nazzjonalista, se jibqa’ jkollna l-aqwa ekonomija fl-Ewropa.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Fuq kollox saħaq kif hu jmexxi Partit fil-Gvern li għandu pjan.
Dalwaqt ikun imiss miżura oħra lil kull min iħallas it-taxxa. Wegħedna li se nnaqqsu t-taxxa tad-dħul għalikom kollha. Jheddu kemm jheddu b’maltemp tan-naħa l-oħra, ngħidilhom li mhux se jwaqqfuna. It-tnaqqis fit-taxxa se tiħduh. Anke meta tivvotaw għall-kunsilli lokali tagħkom, emmnu fina.
Il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela temm b’messaġġ ċar.
Flimkien nistgħu naraw li intom tibqgħu tiksbu aktar, flimkien nistgħu nibqgħu nagħtu s-saħħa lill-Għawdxin, is-saħħa lill-Bormliżi, is-saħħa lill-Maltin.
Il-Prim Ministru Robert Abela