L-inkjesta Maġisterjali ma tistabbilixxi l-ebda ħtija fil-persuni allegatament suspettati. Iddikjara dan il-Prim Ministru Robert Abela, wara li, mill-ġdid, l-Oppożizzjoni Nazzjonalista talbet ruling b’urġenza, din id-darba dwar il-pożizzjoni tad-Deputat Prim Ministru Chris Fearne u jekk din għadhiex kredibbli.
Fil-Parlament, il-Prim Ministru ddikjara fiduċja sħiħa fid-Deputat Prim Ministru.
“Jekk isem Chris Fearne ifeġġ fl-akkużi, imma ma jfeġġx fil-korp tal-inkjesta jew ma jfeġġx fl-ebda nuqqas, allura se nibqa’ niddefendih bis-saħħa tiegħi kollha u ħa nkun ċar ukoll se jibqa’ jokkupa l-kariga ta’ Deputat Prim Ministru.”
Il-Prim Ministru Robert Abela
Għal darb’oħra, waqt li l-Prim Ministru Robert Abela kien qed jagħmel id-diskors tiegħu fil-Parlament, in-naħa tal-Oppożizzjoni bdiet tinterrompi kontinwament, b’għajjat u insinwazzjonijiet fiergħa inkluż mill-Kap Bernard Grech, Beppe Fenech Adami u Karol Aquilina.
Il-Prim Ministru sostna li hu jinsab iżjed inkwetat dwar il-pożizzjoni tal-Oppożizzjoni li kienet ħadet f’Jannar li għadda meta tħabbret in-nomina ta’ Chris Fearne għall-pożizzjoni ta’ Kummissarju Ewropew. Dlonk qabeż jinterrompi Karol Aquilina.
U hawnhekk il-Prim Ministru għamillu mistoqsijiet pertinenti.
ROBERT ABELA: “Dakinhar meta ġie mħabbar li se jkun innominat ta’ pajjiżna għal Kummissarju Ewropew ħarġu qatta’ bla ħabel li se jaħdmu kontra tiegħu. U nistaqsihom …
KAROL AQUILINA: “U kellna raġun!”
ROBERT ABELA: “Kellek raġun?! Mela x’kont taf dakinhar Dr Karol Aquilina?! Għidli x’kienet taf Repubblika dakinhar! Għidli kif kontu tafu bis-searches! Għidli kif kont taf bis-search!”