Ġie ffirmat ftehim bejn l-Aġenzija tal-Għajnuna Legali u l-Kamra tal-Avukati li se jkun qiegħed issaħħaħ il-kollaborazzjoni bejn iż-żewġ entitajiet fis-settur tal-ġustizzja. Dan huwa ftehim li se jwassal biex il-professjonisti legali, li diġà huma involuti fis-sistema u oħrajn ġodda li jistgħu jidħlu fiż-żmien li ġej, ikomplu jitrawmu f’aktar opportunitajiet.
Il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard iddeskriva dan il-ftehim bħala żvilupp importanti li jikkumplimenta l-ħidma politika tal-gvern.
Il-Ministru Attard fakkar kif fl-aħħar 10 snin kien hemm investiment bla preċedent anke fir-riżorsa umana fejn minn 16-il avukat u prokuratur legali llum hemm 60 avukat u prokuratur legali mal-Aġenzija.
Huwa temm jgħid li dan il-ftehim se jwassal biex ikomplu jgħollu l-livell tas-servizz provdut għaliex ikun inutli li jsaħħu l-liġijiet, li jsaħħu l-istituzzjonijiet u jkun hemm min fis-soċjetà li jiġi mċaħħad mill-ġustizzja minħabba raġunijiet soċjali u finanzjarji.
Il-ftehim ġie ffirmat mid-Direttur tal-Aġenzija tal-Għajnuna Legali Bruno Zahra u l-President tal-Kamra tal-Avukati Dr Peter Fenech.
Preżenti għall-iffirmar ta’ dan il-ftehim kien hemm ukoll is-Segretarju Permanenti fi ħdan il-Ministeru għall-Ġustizzja u r-Riforma tas-Settur tal-Kostruzzjoni Johan Galea.