Għawdex illum tilef wieħed mill-isbaħ ikoni li qatt kellu. Dak li dejjem bżajna minnu seħħ u dik li tant saħħret turisti għerqet fl-istess post minn fejn twieldet eluf ta’ snin ilu. Tul dawn is-snin, kienet waħda mill-isbaħ attrazzjonijiet naturali li l-gżejjer żgħar tagħna għandhom.
Kliem il-kap eżekuttiv tal-Awtorità Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) Joe Muscat. Qal li l-Għawdxin kollha jinsabu mdejqa b’dik l-aħbar u t-tieqa se tibqa hemm fil-miljuni ta’ ritratti li ttieħdu magħha.
Huwa stmat li 80% tat-turisti li jżuru Għadwex għal jum jew lejl wieħed iżuru t-tieqa. Minkejja li d-Dwejra issa mhix li hi, infatti tħossha orfni, il-komunità turistika f’Għawdex temmen li dan is-sit se jibqa’ jattira l-eluf kuljum. Għad hemm ħafna attrazzjonijiet naturali, speċjalment għall-għaddasa.
Temm jisħaq fuq kemm huwa importanti li wieħed jipproteġi dak li huwa naturali.