Oqsma t’interess komuni bejn Malta u s-Slovenja ġew diskussi f’laqgħa bejn il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol Byron Camilleri u l-Ministru għall-Intern Sloven Boštjan Poklukar.
Iż-żewġ naħat iddiskutew, fost l-oħrajn, kif qed tkun indirizzata l-immigrazzjoni irregolari, is-sigurtà fiż-żona Schengen, kif ukoll kif iż-żewġ naħat qed jiġġieldu t-traffikar illegali tal-bnedmin u x’miżuri effettivi ħadu, kemm fuq livell nazzjonali u anke dak internazzjonali, sabiex irażżnu dan il-fenomenu.
Suġġett ieħor li ġie diskuss waqt it-taħdidiet kien il-Patt dwar l-Ażil u l-Immigrazzjoni tal-Unjoni Ewropea li dwaru l-Kummissjoni Ewropea mistennija tressaq il-pjan t’implimentazzjoni tagħha sal-aħħar tax-xahar id-dieħel.
Iż-żewġ naħat qablu fuq l-importanza li filwaqt li l-Patt jiġi implimentat fis-sentejn li ġejjin, jeħtieġ li jsir iktar xogħol biex jonqsu n-numru ta’ wasliet irregolari lejn l-Unjoni Ewropea.