Fi stqarrija, il-President Myriam Spiteri Debono sostniet li l-avvenimenti li għaddej minnhom pajjiżna f’dawn il-ġranet jirrikjedu rażan u kawtela. Il-President sostniet li atmosfera serena u kalma hi ta’ benefiċċju wkoll għal dawk kollha involuti jew b’xi mod milquta.
Il-President sostniet li hemm ħtieġa qawwija li ħadd ma jaqbeż il-limiti tal-prudenza u qalet li jeħtieġ li s-sitwazzjonijiet għandhom jitħallew jimmaturaw.
Spiteri Debono qalet li l-liġijiet ta’ pajjiżna jipprovdu diversi rimedji għal min iħoss li jkunu saru xi preġudizzji fil-konfront tiegħu jew tagħha.
B’dan jinkludi wkoll istanzi fejn individwu jew individwi jidhrilhom li jkunu ġew diskriminati, imċaħħdin minn xi dritt jew saħansitra jidhrilhom li proċessi ġudizzjarji li jolqtuhom kienu b’xi mod difettużi.