Is-sensiela għat-tfal magħrufa internazzjonalment ‘Peppa Pig’ issa saret ukoll bil-Malti, grazzi għal proġett ta’ kollaborazzjoni bejn Media Exclusive u ċ-Ċentru tal-Ilsien Malti.
L-għan ta’ dan il-proġett kollaborattiv hu li s-sensiela tkun tradotta kompletament bil-Malti, waqt li jiżgura li t-tfal Maltin jistgħu jgawdu esperjenza awdjoviżiva pjaċevoli, waqt li jsiru dejjem iżjed midħla tal-lingwa nazzjonali.
Il-Kap Eżekuttiv taċ-Ċentru tal-Ilsien Malti, Norma Saliba, qalet li t-tfal Maltin jeħtieġu aktar riżorsi awdjoviżivi bil-Malti biex ikunu jistgħu jifhmu, jitkellmu, jaqraw u jiktbu bil-Malti.
“Se nkunu qed nissodisfaw ukoll id-domanda li hawn minn edukaturi u anke l-ġenituri biex lil uliedhom ikollhom riżorsi x’jagħtuhom, mhux biss li juruhom it-televiżjoni, iżda wkoll anke permezz ta’ dan il-karattru jkunu jistgħu aktar ikollhom ċans li jesponuhom għal-lingwa Maltija f’ħinijiet differenti tal-ġurnata.”
Ben Camille u Rachel Cachia minn Media Exclusive sostnew dwar is-sinifikat tal-promozzjoni tal-ilsien Malti anke fit-tfal.