It-Torri tal-Kaptan fin-Naxxar se jgħaddi formalment għand il-Kunsill Lokali tan-Naxxa wara ftehim li ġie ffirmat li ġie ffirmat bejn l-Awtorità tal-Artijiet u l-Kunsill Lokali tan-Naxxar.
Dan tħabbar mill-Ministru għall-Artijiet u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Stefan Zrinzo Azzopardi u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali Alison Zerafa Civelli.
Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li permezz tal-ftehim li sar mal-Awtorità tal-Artijiet, il-Kunsill Lokali tan-Naxxar se jirrinova din il-binja storika tas-Seklu 16 sabiex tkun tista’ titgawda mir-residenti u minn kull min iżur din il-lokalità.
Il-Ministru spjega kif il-Kunsill Lokali tan-Naxxar se jkun qed jibbenefika mill-iskema l-ġdida tal-capping li tħabbret ftit tax-xhur ilu. Permezz ta’ din l-iskema, il-kirja tal-binja se tkun imraħħsa għal €500 biss fis-sena minflok il-valur propju tal-kirja li kien jilħaq is-€6,000. B’hekk il-Kunsill Lokali se jkun jista’ joffri aktar servizzi lill-komunità tan-Naxxar.
Is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli qalet li dan hu ftehim ieħor ta’ dan it-tip li qed jiġi ffirmat fi ftit tal-ġimgħat, u għalhekk dan hu xhieda tal-fiduċja li l-Gvern għandu fil-Kunsilli Lokali. Sostniet li permezz ta’ dan il-ftehim, l-Awtorità tal-Artijiet għaddiet f’idejn il-Kunsill Lokali tan-Naxxar it-Torri tal-Kaptan li huwa wirt storiku u li l-pjanijiet tal-Kunsill huwa li dan jinfetaħ bħala attrazzjoni turistika.
Is-Sindku tal-Kunsill Lokali tan-Naxxar, Anne Marie Muscat Fenech Adami esprimiet is-sodisfazzjoni tagħha għall-ftehim tad-devoluzzjoni li ġie ffirmat.