Id-Dipartiment tal-Anzjanità Attiva u l-Kura fil-Komunità u l-Kunsill Lokali tal-Fgura ffirmaw ftehim għal provvista ta’ sala fil-binja tal-kunsill stess li se tibda tintuża bħala ċentru għall-anzjanità attiva.
Dan iċ-ċentru fil-Fgura se joffri varjetà ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja, taħditiet edukattivi u attivitajiet oħrajn, li jħeġġu l-interazzjoni soċjali fost l-anzjani.
Iċ-Ċentru għall-Anzjanità Attiva fil-Fgura se jkun miftuħ kull nhar ta’ Tlieta, mit-tmienja ta’ filgħodu sas-sagħtejn ta’ waranofsinhar.
Sal-lum, f’Malta u f’Għawdex, hawn wieħed u tletin ċentru tal-anzjanità attiva, b’aktar minn elfejn u ħamsin membru attiv fi ħdanhom. L-għan tagħhom hu li joffru spazju fejn l-anzjani jistgħu jiltaqgħu, jissoċjalizzaw u jibqgħu attivi b’attivitajiet li jinkoraġġixxu t-tagħlim u l-parteċipazzjoni fis-soċjetà.
Preżenti għall-iffirmar tal-ftehim kien hemm is-Segretarju Parlamentari għall-Anzjanità Attiva, Malcolm Paul Agius Galea, u s-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli.