“L-iskema ‘Stabbiltà’ ma tantx naħseb li ħadmet.”
Iddikjarat dan il-kandidata Nazzjonalista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew, Norma Camilleri, waqt konferenza tal-aħbarijiet tal-istess Partit Nazzjonalista, li ttrattat l-għoli tal-ħajja.
Camilleri kompliet fuq dak li qal ukoll is-Segretarju Ġenerali tal-Partit Nazzjonalista, Michael Piccinino, li fuq il-midja Nazzjonalista sejħilha “Skema Instabbiltà”.
Din l-istqarrija tkompli ma’ oħrajn magħmulin minn esponenti ewlenin tal-Partit Nazzjonalista, inkluż il-Kap Bernard Grech li sejħilha “tfarfir taż-żebgħa”.
Kif inhu magħruf, ċifri tal-Eurostat jikkonfermaw li, mindu ddaħħlet l-iskema ‘Stabbiltà’, trażżnet l-inflazzjoni, partikolarment fejn jidħlu prodotti tal-ikel ikkonsmati mill-familji Maltin u Għawdxin.
Meta l-ġurnalista ta’ dan l-istazzjon, imbagħad, ipprovat tistaqsi l-istess mistoqsija lill-Kelliem tal-Oppożizzjoni, Ivan Castillo, dan ħarab milli jwieġeb u għadda għal mistoqsija tal-ġurnalist tal-midja Nazzjonalista.
Fl-aħħar xhur, Castillo nnifsu kien qal ċar li, kieku, din l-iskema jneħħiha.
Lejn l-aħħar tal-konferenza, il-ġurnalista, reġgħet staqsiet lil Castillo, iżda, flimkien ma’ Camilleri, qam u lebbet ’il barra.