Nhar il-Ġimgħa 24 ta’ Mejju, it-toroq tal-Marsa mistennija jkunu miżgħuda bin-nies għall-Aħħar Jum tat-Tridu. Dan qabel ma l-Marsin jiċċelebraw il-Festa Titulari tat-Trinità Qaddisa.
Filwaqt li r-residenti tal-Marsa se jkunu qed jiċċelebraw il-Patruna tagħhom, il-Kummissjoni Trinitarji fi ħdan is-Soċjetà Mużikali Trinità Qaddisa A.D. 1949 qed tipprepara lejl mimli attivitajiet lest għalihom f’għeluq il-75 sena mit-twaqqif tas-Socjetà.
Fil-fatt għall-ħabta tat-8:30 ta’ filgħaxija se jittella’ marċ mill-isbaħ ta’ fama kbira li se jferraħ it-toroq prinċipali tal-Marsa u jilħaq il-qofol tiegħu fi Triq Balbi.
Imbagħad hemmhekk mistennija titla’ l-istatwa ta’ Santa Ċeċilja fuq il-gallarija tas-Sede li hija l-patruna tal-mużiċisti.
Mal-mument li l-marċ idoqq l-aħħar nota tiegħu tal-Innu Marċ, jiskatta x-xow ‘Dancing Colours in the Sky goes Total Football’.
Dan ix-xow se jikkonsisti minn spettaklu mill-isbaħ ta’ nar sinkronizzat mal-mużika ma’ Drop Out Brass Band, li fih ser ikun hemm wkoll il-kantanta Ira Losco.