L-atleta Bianca Shoemake kisbet kwalifikazzjoni diretta għall-Kampjonati Ewropej tal-Atletika ta’ taħt it-18-il sena fil-hammer throw wara prestazzjoni mill-aqwa fiċ-Challenge Meeting ta’ Athletics Malta miftuħ għall-atleti żgħażagħ. Hija kisbet riżultat ta’ 58.51m, rekord nazzjonali fil-kategorija tagħha biex tikseb id-dritt li tikkompeti fl-akbar kompetizzjoni Ewropea f’din il-kategorija fl-iSlovakkja fis-Sajf li ġej.
B’dan ir-riżultat, din l-atleta ta’ Rush AC kisbet ukoll dritt li tipparteċipa fil-Kampjonat tal-Balkani ta’ taħt it-18-il sena, avveniment importanti li jgħin fit-tħejjija tal-atleti qabel il-Kampjonati Ewropej. Hemm se tingħaqad magħha Thea Parnis Coleiro li kwalifikat fuq il-100m. Fost l-irġiel, Michael Debattista Segond ta’ Pembroke kwalifika fl-1500 metru, wara li kiseb ħin ta’ 4:01.82 f’tellieqa li ntrebħet minn Jean Paul Debono (3:55.33).
Żewġ atleti oħra li kwalifikaw għal Balkani, din id-darba fil-Kategorija U20 huma Julian Zarb (La Salle) li fi tmiem il-ġimgħa rebaħ it-3000m f’ħin ta’ 8:55.05. Isaac Bonnici (Rush) kwalifika wkoll b’rebħa fit-tellieqa tat-800m b’ħin ta’ 1:54.19. Nicolai Bonello (La Salle) kien diġà kwalifika aktar kmieni dan l-istaġun wara serje ta’ rekords nazzjonali fil-pole vault.
Fost iż-żgħażagħ riżultat inkoraġġanti ferm għal Chloe Ann Farrugia (Savio) li waddbet 26.57m fid-diskus, l-aqwa riżultat minn tfajla Maltija fil-kategorija Under 14.
Fost il-veterani, prestazzjoni spettakolari għal Charles Cilia, bl-atleta ta’ 58 sena jirbaħ il-5000 metru f’ħin tajjeb ta’ 16:57.40.
Rekord Nazzjonali ta’ Gina Mcnamara
Wieħed mill-aktar rekords antiki fl-atletika Maltija kien megħlub fi New York hekk kif fit-Trials of Miles, Gina McNamara temmet tellieqa ta’ 5000m f’ħin ta’ 16:34.16 biex telgħeb ir-rekord preċedenti ta’ Carol Galea bi kważi 10 sekondi.
Fl-istess meeting, McNamara ġriet it-800m ukoll f’ħin ta’2:07.01.