“Illum diżgrazzjatament tħossok imneżża’ minn kull dinjità meta jiġri xi ħaġa hekk, li qatt ma bsartha, awtomatikament kemm mal-familja u kemm whatever, tħossok anke skomdu ma’ … jiġifieri joħloqlok imbarazz, sitwazzjoni imbarazzanti, li anke biex tiġi biex titkellem tibda tigdeb lilek innifsek.”
Din kienet dikjarazzjoni tal-Kunsillier Nazzjonalista James Cauchi li, f’intervista esklussiva ma’ dan l-istazzjon, żvela kif il-Partit Nazzjonalista ċaħħdu milli jkompli joffri s-servizzi tiegħu fil-belt ta’ Bormla, fejn ilu jiġi elett kontinwament sa mill-2003, mill-bidu tal-kunsilli lokali, u kien dejjem l-aktar wieħed li ġab voti lill-Partit fil-lokalità.
Kif ġie żvelat diġà, Cauchi ma ngħata l-ebda raġuni speċifika għalxiex in-nomina tiegħu, li ddaħħlet fuq l-insistenza tas-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino stess, baqgħet qatt ma tressqet quddiem l-Eżekuttiv Nazzjonalista għall-approvazzjoni.
Dan anke jekk, għal xhur sħaħ, baqa’ jingħata garanzija li ma kien hemm l-ebda problemi, inkluż mill-istess Piccinino u saħansitra mill-Kap Bernard Grech innifsu.
Waqt li l-Partit Nazzjonalista ħareġ stqarrija biex jirribatti l-fatt li Cauchi tkellem fil-pubbliku dwar din is-sitwazzjoni imbarazzanti, tali stqarrija kienet biss mimlija gideb intiża biex tgħatti xtur dawk li rreżistew biex in-nomina tiegħu tiġi approvata.
U dan proprju wara li Cauchi rrifjuta li jkun parti minn konġura oħra interna biex jittajjar il-Kap innifsu, kif kien seħħ lil Adrian Delia. Bid-differenza li, din id-darba, skont Cauchi, l-affarijiet qed jitmexxew minn dawk li kienu wara Delia tliet snin ilu.
Cauchi wkoll iqajjem suspetti li s-Segretarju Ġenerali hu involut waħda u sew f’tali manuvrar ta’ konġura ġdida.
Qal, “Jien għaddejt permezz ta’ Michael Piccinino biss. Jien għalhekk illum sorpriż u se nipprova mmur bi protest ġudizzjarju. Għax l-unika mezz li għandi, mhux politiku, huwa b’mod legali. Jien għadni tesserat u tajt ħafna minn ħajti lill-Partit Nazzjonalista.”
Sakemm saritlu telefonata minn uffiċjali għoli Nazzjonalista li ħeġġu jingħaqad fil-konġura biex jitneħħa Grech, “għax bih ma kienu se jaslu mkien”, Cauchi ma kienx jaf x’se jinqala’ meta rrifjuta tali offerta.
Qal, “Sa dak il-ħin kont għadni ma nafx x’se jolqotni jien. Jiġifieri jien dħalt bejn il-basla u qoxritha mingħajr ma naf b’xejn.”
Kompla billi qal, “Tgħidli hekk … Tkellimna b’dan il-mod, però qtajtlu mill-ewwel barra. Għedltu isma’ jien qatt ma dħalt fihom dawn l-affarijiet, lanqas meta kien hemm ta’ Delia. Emmint fil-bidla u vvotajt għal Delia u emmint ukoll fl-eks boss tiegħi meta ġejna għal Dr Bernard Grech, emmint li kelli ndawwar idejha għal Bernard Grech u sar Dr Bernard Grech.”
Dwar il-mod kif ġie ttrattat Cauchi mill-Partit tiegħu stess, ukoll tkellem il-Prim Ministru Robert Abela t-Tnejn filgħaxija fil-Mellieħa waqt l-attività politika bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Dr Abela, “Però meta, imbagħad, nisma’ xi ħadd bħal James Cauchi jitkellem. James Cauchi huwa, min ma jafx, Kunsillier tal-Partit Nazzjonalista fuq Bormla. Jitkellem u jurik kif irriġettawh, ramewh, qalulu ma tistax tikkontesta magħna, li int m’għandekx aktar kontribut x’tagħti, taf għaliex? Għax m’aċċettax li jkun estrem bħalhom u għax poġġa l-lokalità tiegħu ta’ Bormla l-ewwel qabel l-interess partiġġjan ta’ ħsara li rieduh jimbotta. Mela man-nies tiegħu stess, mal-kandidati u kunsilliera tiegħu stess, il-Partit Nazzjonalista qed jadotta din it-tattika.”