Il-kandidat Laburista għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew Jesmond Bonello qal li, għalkemm il-Partit Nazzjonalista jiċħad l-eżistenza tal-establishment, jiena ċert li jeżisti u dan hu biss magna distruttiva f’idejn l-Oppożizzjoni.
“Għalkemm illum Adrian Delia qed jiprova jirredikola u jinnega l-eżistenza ta’ din il-magna, ftit taż-żmien ilu hu stess kkritika bl-aħrax l-istess establishment tal-Partit Nazzjonalista li għamel minn kollox biex neħħih minn Kap tal-PN,” tenna Bonello, waqt li fakkar kif l-istess magna ntużat kemm-il darba kontra l-Partit Laburista u anke internament f’numru ta’ każi, fosthom riċentament fil-każ tar-rewwixta kontra Adrian Delia.
Hu qal li l-użu ta’ din il-forza mhix biex tagħmel il-ġid lill-poplu, iżda pjuttost biex tagħmel bsaten fir-roti lil min ikun qed jostakola lill- establishment milli jilħaq il-poter. Dan jikkontrasta bi kbir mal-għanijiet prinċipali tal-Partit Laburista li, minkejja li jkollu diversi attakki kkordinati, xorta waħda jibqa’ ffokat b’għan ewlieni li jagħmel ġid lil Malta u lil Għawdex.
Dan kien l-uniku Gvern li, minkejja l-ostakli kollha, żied il-pensjonijiet, żied iċ-Children’s Allowance, żied il-paga minima, ħoloq l-In-Work Benefits, għajnuna waqt il-pandemija u kontinwament kien viċin il-poplu. Gvern li l-poter użah biex jissalvagwardja nies vulnerabbli, familji, ħaddiema u pensjonanti.
“Mhemmx dubju li dawn l-attakki se jibqgħu kkordinati biex jostakolaw u jisfokaw il-ħidma u l-ġid li għamel dan il-Gvern. Ikun żball jekk aħna, bħala Maltin u Għawdxin, ma nibqgħux iffokati fuq l-interessi ġenwini tagħna u nonqsu milli nappoġġaw lil min fil-verità dejjem kien tarka tal-ħaddiem, kif inhu l-Gvern immexxi minn Robert Abela,” temm il-kandidat Laburista.