L-għaqda studenteska Pulse ħarġet biċ-ċar id-double standards tal-għaqdiet studenteski li t-Tlieta filgħaxija qalu li se jmorru jipprotestaw quddiem il-Qorti.
F’kitba fuq il-midja soċjali, il-Pulse qalet li hi mhux se tattendi għal din il-protesta u saħqet li hi temmen fid-dritt tas-saltna tad-dritt u l-indipendenza fil-ġudikatura dejjem u kull ħin, mhux meta jkun jaqbel.
Hawnhekk ġie nnotat kif sena u nofs ilu, kien hemm attakk fuq il-ġudikatura mill-istess għaqda Repubblika, iżda dakinhar ma nħarġet l-ebda stqarrija mill-istudenti u ma saru l-ebda protesti.
L-għaqda studenteska rreferiet għal meta Repubblika, li dak iż-żmien kienet immexxija minn ħu d-Deputat Nazzjonalista Karol Aquilina, attakkat lill-Maġistrat Nadine Lia.
F’din il-kitba fuq il-midja soċjali, il-Pulse tenniet li temmen li dawn l-azzjonijiet ta’ solidarjetà għandhom isiru kull darba li membru tal-ġudikatura jkun attakkat.
Pulse qalet li l-għaqdiet studenteski m’għandhomx ikunu selettivi u jagħżlu huma meta joħorġu stqarrijiet ta’ solidarjetà mal-ġudikatura. Hawnhekk ġie sostnut li l-għaqdiet jew għandhom ikunu favur li l-ġudikatura taħdem b’serenità l-ħin kollu jew le.
ONE News hu informat li għadd ta’ fakultajiet Universitarji se jkunu qed iwaqqfu l-lezzjonijiet qabel il-ħin biex l-istudenti jkunu jistgħu jattendu għal din il-protesta.
Mossa simili kienet saret meta ġiet organizzata taħdita minn Roberta Metsola fl-aħħar xhur u twaqqfu l-lezzjonijiet apposta.