F’dibattitu organizzat mil-Awtorita tax-Xandir, Steve Ellul, il-Kandidat tal-Partit Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, għamel sejħa qawwija għal politika moderna u li toffri s-soluzzjonijiet flok waħda antika li trid tifred flok tgħaqqad il-pajjiż.
Ellul saħaq fuq l-importanza tal-politika msejsa fuq l-integrità u s-servizz lill-poplu. Filwaqt li enfażizza l-benefiċċji tanġibbli li saħħew il-kwalità tal-ħajja tan-nies fl-aħħar snin, Ellul spjega kif fi ħdan l-istituzzjonijiet Ewropej, irridu naħdmu sabiex inkomplu nsaħħu d-drittijiet tal-Maltin u l-Għawdxin.
Steve Ellul spjega kif Għawdex għandu jkompli jkun gżira tal-opportunitajiet filwaqt li nippreżervaw is-sbuħija naturali tagħha. Ellul, li huwa Analista Finanzjarju, tkellem dwar kif il-pensjonanti f’Malta illum qed igawdu minn żieda wara oħra wara li għal 25 sena ta’ Gvern Nazzjonalista il-pensjonijiet kienu ffriżati.
Steve Ellul tkellem dwar il-bżonn li nippreparaw lill-ħaddiema Maltin u Għawdxin għat-tibdiliet futuri fl-ekonomija sabiex dawn ikunu preparati għad-dinja tax-xogħol u t-tibdiliet li ser ikollna fil-futur.
Semma’ wkoll id-deċiżjonijiet li gvernijiet nazzjonalisti dejjem naqqsu milli jieħdu sabiex jgħinu lill-ħaddiema f’amministrazzjonijiet preċedenti, fosthom iż-żidiet fil-paga minima, il-fatt li f’perjodu ta’ inflazzjoni madwar l-Ewropa, il-Gvern Laburista ma qatax qalbu u rnexxilu jistabilizza l-prezzijiet ta’ iktar minn 400 prodott essenzjali.
Ellul tkellem wkoll dwar l-importanza li nipprotegu dak kollu li jagħmilna Maltin bħal lingwa Maltija, it-tradizzjonijiet u id-delizzji bħal kaċċa u l-insib.