Fil-pjazza tal-Mellieħa t-Tnejn filgħaxija, il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela saritlu intervista bħala parti mill-kampanja elettorali bit-tema “Saħħa lill-Maltin.”
Hawnhekk huwa ġie mistoqsi dwar diversi temi kruċjali għal pajjiżna, fosthom dwar l-aħħar żviluppi b’rabta mal-Inkjesta tal-Konċessjoni tal-Isptarijiet u appella lil kulħadd għall-kalma u biex ħadd ma jaqa’ għall-provokazzjoni.
Meta mistoqsi dwar l-ekonomija ta’ pajjiżna, Dr. Abela nnota l-andament ekonomiku b’saħħtu ta’ pajjiżna li wassal biex illum għanda stabbiltà.
“Twassal għal dak ir-riżultat għax tagħti l-istabbiltà, jiġifieri deċiżjoni ewlenija x’kienet? Li tajna stabbiltà fil-prezzijiet tal-enerġija. Kemm qed jibqgħu jiġu għandna kumpanija u jgħidulek aħna d-deċiżjonijiet ewlenin dwar nespandux, inkabbrux jew nibqgħux kif aħna jew nikkuntrattawx in-negozju, jiġifieri nċekknuħx huma bid-deċiżjoni li ttuna stabbiltà fid-dawl. Dik hija deċiżjoni primarja.”
Quddiem folla sabiħa ta’ nies, Robert Abela tkellem dwar l-importanza li nkomplu nsaħħu l-komunitajiet tagħha, filwaqt li nippreservaw il-karatteristiċi tal-irħula u bliet tagħna.
Hawn għamel aċċenn dirett għall-Mellieħa u l-inħawi tal-madwar.
“Ġojjelli oħra fil-Mellieħa, Selmun, milux wisq żmien dilapidat? Fort Campbell, jitkellem dwarha l-Manifest Elettorali tagħna wkoll, mhux ukoll trid tiġi restawrata, ripristinata. Deċiżjonijiet oħrajn jekk residenti tal-Manikata u tal-Għadira għandhomx ikunu fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet li jittieħdu għall-Mellieħa. Mhux iva r-rispota. Dawn huma t-tip ta’ deċiżjonijiet.”
Intant, il-Prim Ministru nnota l-politika ta’ ħsara li l-Partit Nazzjonalista għadu jħaddan sal-ġurnata tal-lum u saħaq kif l-għażla fit-8 ta’ Ġunju hija waħda ċara, dik favur min irid ikompli b’ħidma pożittiva għall-ġid tal-Maltin u l-Għawdxin.
Fit-tieni ġimgħa tal-Kampanja Elettorali, il-Prim Ministru qal kif dan il-Gvern baqalu ħafna proġetti u miżuri xi jwettaq, u għalhekk għandu jingħata fiduċja, biex l-elf proposta li hemm fil-Manifest elettorali Malta Flimkien jibqgħu jsiru elf kisba.
“Tmur din il-ġimgħa fejn suppost nedew il-kandidatura tagħhom għall-Parlament Ewropew, ħlief lil min se jkissru, lil min se jattakkaw, lil min se jniżżlu għada, lil min se jixħtu l-ħabs, hekk biss moħħhom. B’hekk irid jimxi ’l quddiem dan il-pajjiż? L-għażla f’idejkom. Fit-8 ta’ Ġunju morru u ibgħatu sinjal ċar lil dawk kollha li jridu jieħdu l-pajjiż lura qabel l-2013, għidulhom le. Dan il-pajjiż mexa wisq f’dawn l-aħħar ħdax-il sena ’il quddiem.”