L-Awtorità tal-Ippjanar qed tressaq emendi, b’rabta mal-politika tal-ippjanar, wara konsultazzjoni pubblika li saret lura fi Frar ta’ din is-sena.
Din il-policy, imsejħa P35, ġiet introdotta lura fl-2015 taħt l-Istandards għall-Kontroll tad-Disinn u, b’hekk, dawn l-emendi se jagħtu linji gwida aktar ċari u konsistenti dwar l-ammont ta’ sulari permessibbli, partikolarment b’rabta mal-faċċati.
Dan biex telimina diskrepanzi li jistgħu jeskalaw minħabba interpretazzjonijiet differenti ta’ din il-policy. B’hekk, ebda binja m’għandha teċċedi l-għoli stabbilit fil-pjani lokali, li se jiġi kkalkulat b’mod estensiv.
Fejn il-binja, li tkun qed issir proposta għaliha, ikollha faċċata ta’ mill-inqas 12-il metru, is-sular ta’ fuq għandu jkun irtirat mill-faċċata mill-inqas bi tliet metri.
Din il-miżura tingħaqad ukoll ma’ għadd ta’ miżuri oħrajn li qed jiġu emendati u kkjarifikati.
Għall-faċċati ogħla minn 14.1 metri, fejn l-għoli jkun ta’ aktar minn 17.5 metri, in-numru ta’ sulari li jistgħu jittellgħu mill-ogħla livell tal-bankina, għandhom jiġu ddeterminati mil-liġi tas-sanità u proviżjonijiet differenti, proposti f’dan id-dokument.
Sadanittant, l-Awtorità tal-Ippjanar qed tistieden lill-pubbliku biex jibgħat l-opinjonijiet u l-kummenti tiegħu b’imejl fuq consultation_dc15@pa.org.mt sas-17 ta’ Ġunjuli ġej.