Id-deputati tal-Oppożizzjoni ħarġu ’l barra mill-Parlament wara ruling tal-Ispeaker biex issir diskussjoni urġenti dwar l-eżitu tar-rapport tal-inkjesta b’rabta mal-konċessjoni tal-isptarijiet.
Din il-mozzjoni, li ntalbet mill-Kap tal-Oppożizzjoni, ma ġietx aċċettata f’ruling li ta l-Ispeaker tal-Kamra. B’reazzjoni għal dan, Bernard Grech qal li l-Kamra ma fehmitx il-mozzjoni tiegħu biex eventwalment id-deputati tal-Oppożizzjoni sabbtu saqajhom u telqu ’l barra.
Dan ir-ruling mitlub mill-Oppożizzjoni, irreaġixxa wkoll il-Prim Ministru Robert Abela.
Il-Prim Ministru qal li, fil-mozzjoni tiegħu, Bernard Grech qed jistieden li l-Parlament jittrasforma ruħu f’Qorti u mhux jagħmel dan kontra l-liġi.
“Jien kont l-ewwel wieħed, ħafna qablu, l-ewwel wieħed li għedt li l-Avukat Ġenerali għandha tippubblika l-proċess verbal minnufih.”
Waqt li beda jitkellem il-Prim Ministru fil-Parlament kien hemm l-interruzzjonijiet, fosthom mid-Deputat Nazzjonalista, Karol Aquilina.
Il-Prim Ministru qal kif hu għażel li jwieġeb fl-ogħla istituzzjoni tal-pajjiż u mhux bil-kummenti moħbija fuq il-midja soċjali.
Il-Prim Ministru, kompla jinnota u jistaqsi, kif jista’ jkun li, waqt tfittxijiet partikolari, ikollok eks deputat tal-Oppożizzjoni li jkun jaf eżattament meta se jsiru dawn it-tfittxijiet.
“Jimporta? Sur President ħa nwieġeb lil Karol Aquilina. Jien il-kwistjoni veru mhux dik li qed ipoġġu huma, ta’ min għandu l-proċess verbal illum, min kien jaf x’se jkun hemm f’dak il-proċess verbal qabel ingħalqet l-inkjesta. Min waqt li għaddejja l-inkjesta kellu, u kien ikun jaf bis-siegħa u bil-ġurnata ta’ meta jsiru t-tfittxijiet, u ssibu wara l-bieb ta’ barra ta’ fejn se jsiru.”
Waqt li l-Prim Ministru kien qed jitkellem, bosta deputati Nazzjonalisti bdew itellfuh milli jitkellem u ħolqu kommossjoni fil-Parlament, tant li s-seduta kellha tiġi sospiża għal xi ħin. Wara, tipikament mill-Oppożizzjoni Nazzjonalista, li meta ma jiħdux li jridu, jitilqu ’l barra.
Dr Abela żied jgħid u jiċċara li l-Parlament mhuwiex il-Qorti u, bħala organu leġizlattiv, m’għandux jasal għal deċizjonijiet li jmorru kontra l-liġijiet magħmulin minnu stess.
“Però li qed ngħid ukoll hu li din il-Kamra, bħala l-organu li tilleġisla, ma jistax hu jipparteċipa f’ezercizzju, li tasal għal deċiżjoni li tmur kontra l-liġijiet li jgħaddi hu stess – dak li qed ngħid.”
Il-Prim Ministru stqarr li, jekk xi ħadd jista’ jgħid min hu l-establishment, dan hu Adrian Delia, hekk kif kien l-establishment li neħħih minn Kap Nazzjonalista, biex minfloku poġġa lil Bernard Grech.
Il-Prim Ministru qal li hu jifhem li l-Avukat Ġenerali qed tagħmel ix-xogħol tagħha biex tippubblika l-proċess verbali, filwaqt li qal li l-pubblikazzjoni ta’ dan ir-rapport għandha ssir illum qabel għada.