Waqt li l-Partit Nazzjonalista ħareġ fil-pubbliku jqatta’ l-karti kollha ma’ James Cauchi – l-aħjar Kunsillier li kellu fuq Bormla – u fi, stqarrija, ġab l-iskuża fqira li l-kandidatura tiegħu ma reġgħetx ġiet approvata għax dan kien ilu jaġixxi kontra l-Istatut tal-Partit għal aktar minn sentejn, il-fatti juru mod ieħor.
Fil-fatt Cauchi baqa’ jiġi kontinwament mistieden fid-Dar Ċentrali sal-aħħar żminijiet għal laqgħat tas-Sindki u l-Minority Leaders tal-Partit dwar l-andament bi tħejjija għall-elezzjonijiet li jmiss.
Iżjed minn hekk kien is-Segretarju Ġenerali Michael Piccinino nnifsu li sa Jannar li għadda kien qed jiġri warajh biex jimla n-nomina tiegħu.
Sussegwentement anke l-Kap Bernard Grech innifsu kkonfermalu, quddiem xhieda, li ma kien hemm l-ebda problema bil-kandidatura tiegħu u li kollox kien sew.
F’intervista esklussiva li ta lil dan l-istazzjon qabel biss ħarġet l-istqarrija tal-PN, Cauchi jispjega fid-dettal kif ġraw l-affarijiet, l-interventi anke minn terzi biex ismu jgħaddi quddiem l-Eżekuttiv Nazzjonalista għall-approvazzjoni u telefonata partikolari minn uffiċjal għoli tal-Partit, li wisq probabbli ċaħditu milli jerġa’ jikkontesta l-elezzjonijiet li jmiss.
F’din it-telefonata, li saret ftit wara li ressaq in-nomina tiegħu lis-Segretarju Ġenerali, Cauchi qal li kien mitlub jieħu sehem f’konġura oħra interna biex jitneħħa l-Kap attwali, Bernard Grech.
Meta rrifjuta, beda l-inkwiet.
“Smajt li jista’ hemm forsi minn dawn it-telfiet kollha m’għadx hemm fiduċja f’Bernard Grech, għedtlu u naf għalfejn qed iċċempel, għedtlu inti tafni qabel, ħdimt miegħi qabel u għedtlu kont hemm miegħi bħala attivista bħal ma kont jien. Għedtlu
Anke jekk il-Partit Nazzjonalista, fl-istqarrija, qal li finalment l-Amministrattiv tal-Partit iddeċieda li ma jħalliex lil James Cauchi joħroġ għall-elezzjoni f’ismu, kien il-Kap stess li qallu li assolutament ma kien hemm l-ebda problemi bil-kandidatura tiegħu f’Marzu li għadda fil-preżenza ta’ xhieda.
Iżjed minn hekk, l-argument tal-Partit Nazzjonalista, li Cauchi kien ilu minn qabel l-aħħar elezzjoni ġenerali jmur kontra l-Istatut tal-Partit u anke jħeġġeġ persuni jivvotaw favur kandidati ta’ partit u jinkludu oħrajn minn partit differenti, ma jreġix lanqas.
Dan, għax kif inhu informat ONE News, bl-istess argument kien il-PN stess li issa approva kandidat ieħor għall-istess Kunsill ta’ Bormla, meta dan kien saħansitra ddikjara pubblikament li issa hu, il-mara u t-tfal kienu qed jappoġġjaw lill-Mexxej Laburista, Robert Abela.
Kieku wkoll ma kinitx issir insistenza minn Piccinino f’Jannar li għadda biex Cauchi jimla n-nomina, kif tixhed korrispondenza li ra dan l-istazzjon, u kontinwament baqa’ jserraħlu rasu, inkluż meta laqgħu fl-uffiċċju tiegħu x-xahar li għadda.
F’Ġunju tas-sena l-oħra, Piccinino kien ukoll talab lil Cauchi biex jaħseb fih fl-appoġġ meta s-Segretarju Ġenerali kkontesta elezzjoni interna, dik biex jitla’ fil-Kunsill Ġenerali tal-PN.
Bħala Minority Leader, Cauchi wkoll baqa’ jiġi mistieden għal laqgħat fid-Dar Ċentrali biex jiddiskuti l-andament.
Għalih kollox kien normali u qatt ma ssuspetta xi ħaġa, sakemm fl-aħħar jiem beda jagħmel one plus one.
Fi tmiem l-intervista ma’ ONE, Cauchi qajjem id-dubju tiegħu dwar l-interessi tal-Partit Nazzjonalista.
Ara l-intervista sħiħa ma’ James Cauchi hawn: