Luke Montebello, l-attakkant ta’ Ħamrun Spartans u t-tim nazzjonali Malti, u Marta Grosso, li tilgħab maċ-champions tal-futbol tan-nisa Birkirkara, kienu fiċ-ċentru tal-attenzjoni wara li rebħu l-iktar żewġ unuri prestiġġjużi waqt l-MFPA Awards 2024.
L-avveniment annwali tal-Malta Football Players Association, li sar fil-lukanda Radisson Golden Sands, iffoka fuq il-prestazzjonijiet u l-kisbiet tal-plejers li spikkaw l-aktar matul l-istaġun 2023-24.
Għal Montebello, li għandu 28 sena, din kienet l-ewwel darba li niżżel ismu fil-lista tal-aqwa plejers tal-ogħla kampjonat domestiku bħala rebbieħ tal-unur MFPA Best Men’s Player. Dan is-suċċess inkuruna staġun mill-aqwa għal Montebello li kellu rwol importanti fil-mixja ta’ Ħamrun Spartans lejn ir-rebħ tal-għaxar kampjonat fl-istorja tal-klabb, tragward li hu wkoll rifless fit-total ta’ 21 gowl li Montebello skorja fil-kampjonat Premier biex spiċċa fil-quċċata tal-klassifika tal-aqwa skorers.
Montebello kiseb l-akbar ammont ta’ voti mill-plejers li jilagħbu fil-Premier b’Kemar Reid, ta’ Floriana, u Geoffrey Acheampong, ta’ Sliema Wanderers, il-finalisti l-oħra.
Fil-kategorija tan-nisa, Marta Grosso, li għandha 22 sena, ukoll kellha sehem kruċjali fir-rebħ tat-12-il kampjonat għal Birkirkara fi staġun ieħor memorabbli li ra lill-Istripes jirbħu wkoll in-Knock-Out u s-Super Cup. Il-midfielder Taljana kienet ukoll l-aqwa skorer għat-tim tagħha b’total ta’ 17-il gowl.
Il-finalisti l-oħra għall-unur tal-MFPA Women’s Best Player kienu Stephania Farrugia, id-difensur ta’ Birkirkara, u Patricia Araujo Da Silva, goalkeeper ta’ Swieqi United.
L-unur tal-MFPA Men’s Best Young Player ingħata lil Carlo Zammit Lonardelli li kellu staġun mill-aqwa ma’ Floriana filwaqt li Nicole Sciberras, midfielder ta’ Hibernians u t-tim nazzjonali tan-nisa, rebħet il-premju MFPA Women’s Best Young Player.
B’kollox kienu ppreżentati 35 premju waqt is-serata tal-MFPA Awards 2024, fosthom 22 li ngħataw lill-plejers li kisbu post fl-MFPA Best XI tal-irġiel u anke tan-nisa. Ic-champions Ħamrun Spartans kellhom erba’ plejers fost l-aqwa 11 tal-istaġun b’Emerson Marcelina (difensur ċentral), Ryan Camenzuli (left-back) u Roko Prsa (midfielder) jingħaqdu ma’ Montebello.
Floriana kellhom tliet nominati f’dak li jista’ jissejjaħ bħala t-tim tas-sena – Oualid El Hasni (difensur ċentrali), Zammit Lonardelli (right-back) u Reid (attakkant) filwaqt li l-coach Mauro Camoranesi kien ivvutat bħala l-aqwa coach tal-istaġun.
Il-plejers l-oħra fl-MFPA Best XI, f’formazzjoni ta’ 4-3-3, kienu l-plejers ta’ Sliema Wanderers Rashed Al-Tumi (goalkeeper) u Geoffrey Acheampong (midfielder), Yuri, il-midfielder ta’ Marsaxlokk, u Pablo De Carvalho, attakkant ta’ Naxxar Lions.
Fl-MFPA Best XI għall-kampjonat tan-nisa, ic-champions Birkirkara kellhom sitt plejers nominati – Stephania Farrugia (difensur ċentrali), Ann-Marie Said (left-back), Valentina Rapa (right-back), Grosso (midfielder) flimkien mal-attakkanti Alishia Sultana u Arianna Del Moral.
Il-plejers l-oħra fis-selezzjoni tas-sena kienu l-goalkeeper ta’ Swieqi Da Silva, il-plejers ta’ Hibernians Natalee Grace Geren (difensur ċentrali) u Sciberras (midfielder), il-midfielder ta’ Mġarr United Brenda Borg u Salamatu Abdulai, ta’ Swieqi United, li tiffurma parti mill-attakk.
CHALLENGE LEAGUE
L-unuri marbuta maċ-Challenge League ntrebħu minn plejers ta’ Melita, ir-rebbieħa ta’ dan il-kampjonat, u Żabbar St Patrick li wkoll kienu promossi għall-Premier League. Il-plejers ta’ Melita Matthew Debattista u Andre Penha Da Costa rebħu l-MFPA Best Challenge League Midfielder u Best Forward rispettivament filwaqt li Żabbar St Patrick kellhom lil Matthew Grech (goalkeeper) u Rodolfo Soares (difensur) li ġew ivvutati bħala l-aqwa plejers fiż-żewġ kategoriji l-oħra.
Debattista rebaħ ukoll l-unur tal-MFPA Challenge League Best Overall player filwaqt li Kurt Borg, ta’ Mtarfa li wkoll ġew promossi, kien nominat bħala l-MFPA Best Amateur League Player.
Ir-referee tal-FIFA Trustin Farrugia Cann rebaħ l-unur tal-MFPA Best Referee għas-sitt sena konsekuttiva.
CARMEL BUSUTTIL IPPREŻENTAT BIL-MERIT AWARD
Ir-rebbieħ tal-MFPA Assikura Merit Award għal din is-sena hu Carmel Busuttil. Meqjus bħala wieħed mill-aqwa plejers Maltin ta’ kull żmien, Busuttil, li beda jilgħab ma’ Rabat Ajax, lagħab 113-il darba u skurja 23 gowl għat-tim nazzjonali Malti matul karriera brillanti. Hu lagħab ukoll ma’ KRC Genk fil-Belġju, Verbania fl-Italja u temm il-karriera ma’ Sliema Wanderers.
Carlo Mamo, is-Segretarju Generali tal-MFPA, ippreżenta l-premju lil Busuttil.
10 SNIN MEMBRI TAL-FIFPRO
Matul l-Awards, l-MFPA fakkret 10 snin bħala membru sħiħ tal-FIFPRO. David Terrier, President tal-FIFPRO Division Europe, kellu kliem ta’ tifħir għall-kisbiet li għamlet l-MFPA li, matul is-snin, intensifikat l-impenn tagħha biex toffri iktar appoġġ lill-plejers membri u kkonsolidat il-kontribut tagħha fi ħdan il-FIFPRO.
Waqt is-serata, ntwerew serje ta’ features li xeħtu dawl fuq il-progress u s-suċċessi tal-MFPA matul l-aħħar 10 snin, fosthom it-tneħħija ta’ kumpens għall-plejers li jkunu waslu fit-tmiem tal-kuntratt tagħhom, l-assistenza legali kontinwa li tingħata lill-plejers dwar diversi materji u diffikultajiet li jiltaqgħu magħhom, programmi ta’ edukazzjoni u saħħa, u diversi inizjattivi oħra.
Is-serata tal-MFPA Awards 2024 kienet ippreżentata minn Keith Demicoli u Claire Agius Ordway.
MFPA AWARDS 2024 – IR-REBBIEĦA
MFPA Men’s Best Player: Luke Montebello (Ħamrun Spartans)
MFPA Women’s Best Player: Marta Grosso (Birkirkara)
MFPA Men’s Best Young Player: Carlo Zammit Lonardelli (Floriana)
MFPA Women’s Best Young Player: Nicole Sciberras (Hibernians)
MFPA MEN’S BEST XI (4-3-3)
Goalkeeper: Rashed Al-Tumi (Sliema Wanderers).
Centre-backs: Oualid El Hasni (Floriana); Emerson Marcelina (Ħamrun Spartans).
Right-back: Carlo Zammit Lonardelli (Floriana)
Left-back: Ryan Camenzuli (Ħamrun Spartans)
Midfielders: Geoffrey Acheampong (Sliema Wanderers); Roko Prsa (Ħamrun Spartans); Yuri De Jesus Messias (Marsaxlokk)
Forwards: Pablo De Carvalho (Naxxar Lions); Luke Montebello (Ħamrun Spartans); Kemar Reid (Floriana)
MFPA Best Coach: Mauro Camoranesi (Floriana).
MFPA WOMEN’S BEST XI (4-3-3)
Goalkeeper: Patricia Araujo Da Silva (Swieqi United)
Centre-Backs: Stephania Farrugia (Birkirkara); Natalee Grace Geren (Hibernians).
Right-Back: Valentina Rapa (Birkirkara)
Left-Back: Ann-Marie Said (Birkirkara)
Midfielders: Brenda Borg (Mġarr United); Marta Grosso (Birkirkara); Nicole Sciberras (Hibernians).
Forwards: Salamatu Abdulai (Swieqi United); Arianna Del Moral (Birkirkara); Alishia Sultana (Birkirkara)
MFPA Best Challenge League Player: Matthew Debattista (Melita)
MFPA Best Challenge League Goalkeeper: Matthew Grech (Żabbar St Patrick)
MFPA Best Challenge League Defender: Rodolfo Soares (Żabbar St Patrick)
MFPA Best Challenge League Midfielder: Matthew Debattista (Melita)
MFPA Best Challenge League Forward: Andre Penha Da Costa (Melita)
MFPA Best Amateur League Player: Kurt Borg (Mtarfa)
MFPA Best Referee: Trustin Farrugia Cann
MFPA Assikura Merit Award: Carmel Busuttil