Matul l-2023, 92% tat-tiġdid tal-kuntratti għal kirjiet ta’ appartamenti rreġistrati għand l-Awtorità tad-Djar, ġew imġedda bl-istess rata ta’ kiri lli kellhom.
Dan ħareġ minn konferenza tal-aħbarijiet li fiha l-Ministru għall-Akkomodazzjoni Soċjali u Affordabbli Roderick Galdes ippubblika rapport tal-Awtorità tad-Djar, li jagħti dettalji dwar ix-xejriet u l-istatistika mill-kuntratti ta’ kiri rreġistrati f’Malta għat-tieni nofs tal-2023.
Dan ir-rapport juri kif is-sena l-oħra l-kuntratti ta’ kiri attivi żdiedu bi 23% għal 60,339 sal-aħħar ta’ Diċembru 2023. Kien hemm aktar minn 25,700 kuntratt imġedded, li ħafna minnhom kienu tiġdid awtomatiku. Disgħin fil-mija ta’ dawn il-kuntratti kienu fit-tul u 16% tal-kirjiet issa jestendu fuq tliet snin.
Waqt il-preżentazzjoni tar-rapport ħareġ kif issa hemm 17-il lokalità – 16 f’Malta u waħda f’Għawdex – li għandhom aktar minn 1,000 kuntratt attiv irreġistrat. San Pawl il-Baħar għandu l-akbar ammont bi 8,900 kuntratt jew 15% tat-total.
Tnejn u tletin fil-mija tal-kuntratti ġodda ta’ kiri fit-tul lejn l-aħħar tal-2023 kellhom kirjiet ta’ bejn €700 u €999, filwaqt li 38% qabżu l-€1,000 fix-xahar.
Matul il-konferenza, il-Ministru Galdes irrimarka kif, fl-aħħar jiem, bil-għan li dan l-ambjent stabbli u koperattiv ikompli jissaħħaħ kienu maqbulin unanimament l-emendi fil-Liġi tal-Kera. Liema emendi ġew imfaħħrin mill-istakeholders prinċipali wara djalogu ħaj u kontinwu magħhom.
Il-Ministru Galdes saħaq li dawn is-sejbiet jenfasizzaw l-istabbiltà fis-settur tal-kera u jirriflettu b’mod tajjeb fuq il-politika tal-Gvern li jappoġġja kemm lis-sidien kif ukoll lill-inkwilini.
“Għandek 92% tas-sidien iddeċidew li jġeddu l-kirja tagħhom lill-inkwilini u żammew l-istess prezz tas-sena li għaddiet. Dak ifisser li hemmhekk hemm stabbiltà fis-suq tal-kera. Aktar minn hekk qed naraw lis-settur ikompli jikber fejn qed naraw 60,000 kirja irreġistrata fil-pajjiż li, fuq kollox, dawk il-proprjetajiet tal-Maltin stess li jinkrew kemm lill-Maltin u anke barranin bħala suq u allura anke l-Maltin qed jagħmlu użu tajjeb mill-proprjetà tagħhom.”