F’attività politika fil-Belt Valletta, kompliet tispikka l-kampanja negattiva tal-Partit Nazzjonalista għall-elezzjonijiet tat-tmienja ta’ Ġunju li ġej.
Dan permezz tal-Ewroparlamentari Nazzjonalista David Casa, li f’dagħdiha ta’ għajjat u isteriżmu saħaq li se jagħmel gwerra kontra l-Laburisti.
Dan anke permezz tal-pożizzjoni tiegħu fil-Parlament Ewropew hekk kif tenna wkoll li se juża għodod li qatt m’uża s’issa.
Qal, “Fil-Parlament Ewropew se nagħmel ħilti kollha, gwerra qaddisa biex nara li dawn in-nies posthom ma jkunx Kastilja. Jiena se nagħmel gwerra kontra tagħhom, bl-għodda kollha,li qatt m’użajt s’issa.”
Apparti minn hekk David Casa mill-ġdid irrijafferma dikjarazzjonijiet tal-istess Partit u l-esponenti tiegħu li fi ftit ta’ żmien ieħor ikun hemm Gvern Nazzjonalista f’Kastilja.
Qal, “Jekk Alla jrid, intajru anki lillhom issa fi ftit tas-snin oħra.”
Dan kienu sostnewh ukoll esponenti oħra Nazzjonalisti fl-aħħar ġimgħat.
Hawnhekk David Casa saħaq li l-Partit Nazzjonalista u l-Establishment, li jagħmel parti minnu, għandhom is-saħħa biex ikomplu jattakkaw kontra l-Laburisti.
Qal, “Għandna saħħa anki minkejja li ninsabu fl-Oppożizzjoni.”
Waqt din l-attività politika, il-Partit Nazzjonalista kompla ma’ oħrajn qabilhom fejn mill-ġdid faħħar figuri prominenti tal-Establishment passati li mmilitaw fi żmien Lawrence Gonzi fost oħrajn.
Fosthom, issemmew Louis Galea u Austin Gatt.
Qal, “Qed nara lil wieħed minn mentors tiegħi lil Louis Galea, li qiegħed hawn ukoll u qed nara wkoll lill-eks Ministru u Segretarju Ġenerali Austin Gatt, li għoġobhom illum jiġu hawn magħna. Aħna nemmnu meta nara lil dawk in-nies li semmejtilkom, lil Eddie, lil Guido, lil Louis Galea, lil Antoine u lil Austin.”
Ta min jgħid li fl-aħħar ġimgħat, il-Partit Nazzjonalista reġa’ żied fid-doża ta’ figuri prominenti li għadhom jimmilitaw fih ta’ żmien Lawrence Gonzi u qabel.
Fil-fatt, apparti dawk imsemmija minn David Casa, preżenti għal din l-attività politika fil-Belt kien hemm ukoll l-eks Segretarju Ġenerali Nazzjonalista, Pawlu Borg Olivier.
Intant, f’din l-attività, il-Kap Nazzjonalista Bernard Grech bħal ma żżuffjetta bl-inizjattiva Stabbilità, iżżuffjetta wkoll biċ-ċekkijiet tar-rifużjoni tat-taxxa – ċekkijiet li jaslu għand il-familji u l-ħaddiema kull sena.
Qal, “Iċ-ċekkijiet noħduhom, grazzi għax jien irċivejtu wkoll.”