Malta għandha t-tieni l-akbar persentaġġ ta’ ażjendi b’intensità diġitali għolja ħafna, fejn 11.4% jużaw b’mod intensiv it-teknoloġija diġitali, bħall-Intelliġenza Artifiċjali, l-użu ta’ big data u cloud computing. Din ir-rata wkoll hi d-doppju tal-medja fl-Unjoni Ewropea ta’ 5%.
Dan joħroġ minn pubblikazzjoni interattivi tal-Unjoni Ewropea, imsejħa ‘Digitalisation in Europe 2024’, li tagħti stampa tas-sitwazzjoni kontinentali dwar it-tekonoloġiji tal-informatika u l-komunikazzjoni, l-ICT, li qed tibdel id-dinja fil-mod kif ngħixu u naħdmu. Il-qalba diġitali hi wkoll waħda mill-prijoritajiet tal-Unjoni Ewropea b’miri li jridu jintlaħqu sal-2030.
Minn din il-pubblikazzjoni jirriżulta li, filwaqt li aktar minn erbgħa minn kull għaxar negozji fl-Unjoni Ewropea rrapportaw użu baxx ħafna ta’ teknoloġiji diġitali, kważi nofs dan il-proporzjon irrapportaw l-istess f’Malta.
F’pajjiżi, bħar-Rumanija u l-Bulgarija, hemm sebgħa minn kull għaxar negozji f’din is-sitwazzjoni.
Waqt li madwar l-Unjoni, 8% tal-kumpaniji jużaw l-Intelliġenza Artifiċjali, f’Malta l-proporzjon hu ta’ aktar minn 13%, jew darba u nofs il-medja. In-negozji Maltin huma wkoll l-aktar li jużaw il-midja soċjali, b’rata ta’ 87%, kontra inqas minn 48% fl-Italja jew 61% fil-Ġermanja.
L-istess stħarriġ juri li, waqt li inqas minn 56% taċ-ċittadini Ewropej m’għandhomx ħiliet diġitali bażiċi jew aktar, f’Malta l-proporzjon hu ta’ aktar minn 63%.
Fil-pajjiż ġar tagħna, l-Italja, il-persentaġġ hu ta’ inqas minn 46%, mentri fil-Ġermanja dan ilaħħaq it-52% u fi Franza inqas minn 60%.
Fil-fatt huma biss ħames pajjiżi fiż-Żona Ewro li jaqbżu lil pajjiżna b’rata ta’ persuni b’ħiliet diġitali.
F’dan ir-rapport estensiv tal-Unjoni Ewropea, Malta tinsab fuq quddiem nett f’bosta indikaturi speċifiċi.
Pereżempju, fost iż-żgħażagħ, Malta għandha t-tieni l-ogħla rata fl-użu ta’ servizzi governattivi onlajn, b’rata kważi d-doppju tal-medja Ewropea. Malta għandha wkoll l-akbar proporzjon ta’ familji li f’darhom hemm xi aċċessorji smart, bħal smart TVs, game consoles jew smart speakers, b’89%. Il-medja Ewropea f’dan ir-rigward hi ta’ 64%.