James Cauchi, li huwa Kunsillier Nazzjonalista, ġie mċaħħad mill-Partit ta’ Bernard Grech, milli jerġa’ jikkontesta għall-elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali fuq il-lokal ta’ Bormla.
Xi ħaġa li Cauchi, qal li qatt ma stenna, hekk kif ilu aktar minn 30 sena jirrappreżenta lill-Partit fil-lokalità ta’ Bormla u ilu jiġi elett fil-Kunsill ta’ Bormla f’isem il-Partit Nazzjonalista, proprju sa mill-2003.
Fil-fatt, Cauchi, tkellem b’mod esklussiv ma’ dan l-istazzjon, dwar kif huwa wasal biex ippreżenta protest ġudizzjarju kontra l-Partit Nazzjonalista, is-Segretarju Ġenerali Nazzjonalista Michael Piccinino u l-Kummissjoni Elettorali, fejn tenna li l-kandidatura tiegħu baqgħet qatt ma ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni Elettorali, anke jekk kien Piccinino stess li ħeġġu jimla l-formola relatata f’Jannar li għadda.
Minkejja dan għal dawn l-aħħar ħames xhur baqa’ ma sema’ xejn, waqt li s-Segretarju Ġenerali, Piccinino, baqa’ dejjem iserraħlu rasu li ma kien hemm l-ebda problemi u li l-kandidatura tiegħu se titressaq quddiem l-Eżekuttiv tal-Partit u eventwalment lill-Kummissjoni Elettorali.
Dan, iżda, baqa’ ma seħħx, anke jekk waqt l-intervista ma’ ONE News huwa qal, li kien proprju Bernard Grech innifsu li ftit tax-xhur ilu, ikkonfermalu li ma hemm ebda raġuni għalfejn il-kandidatura tiegħu, kienet għadha ma ġietx approvata.
Cauchi qal kif sieħbu kien staqsa lill-Kap Nazzjonalista ċar u tond – b’dan qallu li ma hemm ebda differenzi.
Qal, “Dan inzertajna kont mal-mara tiegħi, nagħmlu s-seba’ viżti r-Rabat, u dan kienet qiegħed miegħu, lill-mara qalilha, jimporta noħodulek naqra lir-raġel ħa nkellmu naqra? Ħareġ, u qallu dan kif għadu mhuwiex, għandu kollox għand Michael Piccinino u għadu mhuwiex, ismu ma telax Eżekuttiv, għadu mhux approvat. Qallu le, m’hemmx differenzi. U jien għidtlu, sal-lum għadni ma ħadtx risposta.”
Cauchi qal li l-Kap staqsieh sabiex jagħmel laqgħa miegħu, iżda minflok, bagħat għalih Michael Piccinino.
Huwa żied jgħid, li lejn l-aħħar ftit żmien, il-Partit Nazzjonalista, baqa’ ma tah ebda indikazzjoni li huwa mhux se jkun fuq il-polza tal-vot f’ismu.
Qal, “Niftakar kien ma telax ismi u sieħbi li kien miegħi ir-Rabat, qalli għal xi raġuni, kellimtu lil Michael Piccinino, u qallu issa mhux xorta se jkun hemm l-Amministrattiv. Kien għad hemm xi kandidati oħrajn, milli sirt naf li kienu se jiddeċiedu fuqhom lejn l-aħħar, forsi nkun minn tal-aħħar mhux għax hemm xi ħaġa, għax jien veteran. Jien naf? Tkun qed tistenna.
Permezz ta’ post fuq Facebook, Cauchi qal ukoll li l-Partit Nazzjonalista li kien jaf huwa, illum il-ġurnata spiċċa, filwaqt li stqarr li wasal iż-żmien li l-Partit Nazzjonalista, jieqaf jumilja lin-nies – bħalma għamel lilu, u li kulħadd għandu jkun jaf il-mod kif dan il-Partit jopera u jitmexxa.
Aqra wkoll: