Is-Saħħa lill-Għawdixin. Għawdex li toffri l-aqwa opportunitajiet ta’ xogħol. Dan kien il-messaġġ tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela waqt attività politika fix-Xewkija, l-ewwel waħda f’Għawdex f’din il-kampanja elettorali ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.
Il-Prim Ministru sostna li l-Gvern irid li Għawdex joffri l-aqwa karrieri.
“Is-setturi tal-informatika, tal-gaming, tas-servizzi finanzjarji u tas-servizzi professjonali għandhom post f’Għawdex ukoll. Illum f’Għawdex dawn is-setturi għandhom valur miżjud aktar minn tliet darbiet ta’ dak li kellhom fi żmien Gvern Nazzjonalista. U dan huwa biss il-bidu tal-bidla li rridu nwettqu f’Għawdex. Tajna inċentivi aħjar biex jiżdied l-investiment privat. Ħdimna biex ikollna investiment dirett barrani direzzjonat lejn Għawdex.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Hawnhekk il-Prim Ministru semma kif, fl-aħħar snin, Gvern Laburista wettaq bosta investiment, fosthom biex titjieb il-konnettività, bit-tlestija tat-tieni fibre optic cable u l-introduzzjoni tal-fast ferry.
Dan filwaqt li twaqqfet l-Awtorità Reġjonali għall-Iżvilupp ta’ Għawdex, li bniet il-viżjoni ta’ din il-gżira fost l-Għawdxin stess.
“Għandna opportunità kbira quddiemna. Li Għawdex ikun il-mudell tal-iżvilupp ġdid li rridu għal pajjiżna. L-eċċellenza li ksibna bl-iskola medika ta’ Barts nistgħu niksbuha għas-servizzi mediċi kollha f’din il-gżira. Fl-aħħar ġimgħat introduċejna servizzi li qatt ma kien hawn qabel. Se nżidu magħhom. Fil-qasam tal-produzzjoni tal-ilma, bl-aqwa impjant ta’ pajjiżna. Ġibna lil Għawdex indipendenti fil-produzzjoni tal-ilma. Għall-produzzjoni tal-energija, qed naħdmu biex Għawdex ikun l-ewwel parti ta’ pajjiżna li se jkun carbon-neutral. Dan hu l-futur li għandna f’moħħna għal Għawdex.”
il-Prim Ministru Robert Abela
Il-Prim Ministru Robert Abela tkellem ukoll dwar l-importanza li wieħed jivvota fl-elezzjonijiet tat-8 ta’ Ġunju li ġej.
“Jien nemmen f’Għawdex. Jien irrid nibqa’ nagħti s-saħħa lil Għawdex. Imma biex nagħmel dan għandi bżonn l-appoġġ tagħkom. Kunu miegħi ħa nikkonvinċu aktar nies. Għax din l-elezzjoni mhux bħall-oħrajn. Din elezzjoni li fiha tridu tiddeċiedu wkoll jekk hux se żżommu f’idejkom il-poter li tiddeċiedu l-futur tagħkom. Jekk hux se żżommu f’idejkom il-poter li tiddeċiedu xi tridu għal Għawdex. Magħna ħaġa waħda ċerta. Is-saħħa f’idejkom. Is-saħħa lill-Għawdxin. Is-saħħa lill-Maltin.”
il-Prim Ministru Robert Abela