B’referenza għal stqarrija preċedenti, li nħarġet fil-25 ta’ April li għadda, b’rabta mal-possibbiltà ta’ maħfra mill-proċeduri kriminali b’diversi kundizzjonijiet fil-każ ta’ irregolaritajiet fl-assistenza għal diżabilità severa, il-Gvern fakkar min huma dawk eliġibbli kif irrakkomandat mill-Kabinett lill-President tar-Repubblika.
Stqarrija tal-Gvern qalet li l-proċedura ta’ maħfra hi possibbli għal tliet kategoriji ta’ persuni:
Dawk li mill-1 ta’ Jannar tal-2022 ’il quddiem instabu ħatja minn Qorti Kriminali tar-reat li gawdew mill-benefiċċju soċjali li ma kinux intitolati għalih;
Dawk li għandhom proċeduri kriminali pendenti dwar reati kommessi f’ċirkostanzi simili; u
Dawk li kisbu l-benefiċċju soċjali li ma kienx dovut lilhom f’ċirkostanzi simili u li għad iridu jittieħdu proċeduri kontrihom.
Il-Gvern fakkar u enfasizza li dan bl-esklużjoni ta’ dawk il-persuni li kienu l-artefiċi, il-promoturi jew l-instigaturi tar-reati koperti minn din il-maħfra.
Għaldaqstant, skont it-termini tal-Proklama maħruġa mill-President, kull persuna indikata li tixtieq tiġi kkunsidrata għall-maħfra, għandha l-ewwelnett tagħmel talba permezz tar-rappreżentant legali tagħha lid-Direttur Ġenerali tas-Sigurtà Soċjali billi, fost oħrajn, tikkonferma li tixtieq trodd lura l-flus li ħadet.
Wara li jsiru l-verifiki kollha meħtieġa, malli l-persuna jew tħallas lura il-flus kollha jew tidħol fi ftehim bil-miktub biex tibda tħallas flusha lura, it-talba għall-maħfra tintbagħat lill-Kummissarju tal-Pulizija u eventwalment lill-Ministeru għall-Ġustizzja biex ikun jista’ jikkonferma l-ħruġ tal-maħfra lill-applikant.
REKLAM
SKROLLJA BIEX TKOMPLI