Il-Ħadd se tkun ġurnata importanti bħala parti mill-kampanja elettorali tal-Partit Laburista bit-tema ‘Is-Saħħa lill-Maltin’ għall-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsilli Lokali.
Dan hekk kif, sa minn filgħodu, jibdew numru t’attivitajiet, l-ewwel b’mass rally fil-venda ta’ Ħaż-Żabbar. Dwar dan tkellimna aktar mas-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista William Lewis.
Qal, “Nhar il-Ħadd filgħodu se jkollna attività ftit differenti milli rajna matul il-ġimgħa, minħabba li din ħa tkun forma ta’ mass rally. Jiġifieri hemmhekk se jkollna atmosfera, ħa jkollna lil Clint Bajada, li ħa jkun hemm kanzunetti qabel jasal il-Prim Ministru, biex imbagħad jasal il-messaġġ mingħand il-Prim Ministru Robert Abela biex inkomplu din il-kampanja elettorali li twassalna għat-8 ta’ Ġunju.”
Ftit wara, l-attenzjoni ddur mill-ewwel fuq iċ-Ċentru Nazzjonali Laburista fil-Ħamrun, hekk kif se ssir maratona ta’ ġbir ta’ fondi.
Dwar dan tkellimna mad-Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista Daniel Micallef.
Qal, “Maratona li se tiftaħ f’nofsinhar sal-ħdax ta’ filgħaxija u għalhekk nistiednu lill-familji Maltin u Għawdxin jingħaqdu hawnhekk fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista u dawk kollha li jistgħu jikkontribwixxu u jgħinu b’risq il-ħidma li għaddej biha l-Partit Laburista ħalli nassiguraw l-aqwa riżultat possibbli fit-8 ta’ Ġunju.”