Wara direzzjoni mill-Prim Ministru Robert Abela, l-Awtorità tal-Ippjanar bdiet il-proċess biex titneħħa policy tal-ippjanar għall-iżvilupp ta’ jott marina fil-parti ta’ ġewwa tal-Bajja ta’ Wied il-Għajn u l-iżvilupp mill-ġdid tal-pitch tal-eks Pixxina Nazzjonali għal skopijiet residenzjali u kummerċjali.
Fi stqarrija ntqal li l-policy u l-mappa assoċjata magħha, jinsabu fil-Pjan Lokali tan-Nofsinhar ta’ Malta, li kien approvat fl-2006 taħt il-Gvern Nazzjonalista ta’ Lawrence Gonzi.
Intqal li din il-policy tistipula li, fil-parti ta’ ġewwa tal-Bajja ta’ Wied il-Għajn, jiġu kkunsidrati b’mod pożittiv proposti għall-iżvilupp ta’ jott marina.
Sakemm jitħejja l-Master Plan, il-policy torbot l-iżvilupp mill-ġdid tal-pitch tal-eks Pixxina Nazzjonali f’Marsaskala, li għadha kemm għaddiet għand il-Marsaskala Aquatic Sports Club, mal-iżvilupp tal-jott marina, li talloka 60% tas-sit kollu għal żvilupp residenzjali u kummerċjali.
Bl-irtirar ta’ din il-policy, l-eks Pixxina Nazzjonali se tibqa’ faċilità komunitarja u l-iżvilupp ta’ jott marina mhux se jkun iżjed permessibbli.
Fl-aħħar ta’ Frar li għadda, kien tħabbar li l-Kabinett approva d-deċiżjoni biex jingħata bidu għall-proċess Parlamentari ħalli t-titlu tal-eks Pixxina Nazzjonali fit-tarf tal-lokal jiġi trasferit lill-Marsaskala Aquatic Sports Club biex tiġi żviluppata pixxina oħra tal-ogħla kwalità.
Il-Prim Ministru Robert Abela fakkar li, fil-kampanja elettorali ta’ sentejn ilu, kien wiegħed li ż-Żonqor jingħata lura lin-nies u bil-fatti dan il-Gvern hekk qed jagħmel u din id-deċiżjoni se tħalli effett pożittiv fil-komunità.