Fic-Centenary Stadium iltaqgħu kontra xulxin Santa Lucia u Birkirkara fejn il-konfront intemm 2 – 2 biex b’dan ir-riżultat Santa Lucia sfaw relegati hekk kif Mosta għelbu lill-Naxxar 2 – 0 u għalhekk qabżuhom b’punt fil-klassifika.
Santa Lucia marru fil-vantaġġ eżatt man-nofs siegħa logħob meta Santiago Fabian Moracci irnexxilu jegħleb lill-Amara Sylla biex poġġa lil Luċjani fil-vantaġġ.
Il-vantaġġ dam biss ftit sekondi ghaliex wara azzjoni ta’ corner, Alessandro Coppolla b’xutt b’saħtu ħafna mill-viċin għeleb lill-Francisco Celio De Paz Filho li ftit li xejn seta’ jagħmel sabiex jsalva t-tentattiv u b’hekk l-iskor sar 1 – 1.
Tlett minuti minn tmiem l-ewwel taqsima Santa Lucia reġgħu mill-ġdid marru fil-vantaġġ meta minn corner dirett ta’ Steve Pisani, l-ballun spiċċa wara Sylla biex Santa Lucia daħlu jistrieħu b’vantaġġ ta’ goal.
Ir-ritmu tal-partita naqas ħafna fit-tieni taqsima u kollox deher li Santa Lucia kienu se jakkwiataw it-tlett punti sakemm is-sostitut Kaiden Fenech irnexxilu jieħu l-ballun eżatt minbarra l-kaxxa u b’xutt li ma jaħfirx tefa l-ballun fix-xibka u b’hekk ġab id-draw għal Birkirkara f’riżultat finali ta’ 2 – 2.
B’dan ir-riżultat Santa Lucia ingħaqdu ma’ Valletta, Sirens u Gudja f’dik li hija relegazzjoni ta’ erba timijet mill-Kampjonat Premier għal Kampjonat Challenge.
Referee: Philip Farrugia