“Wegħdna spazji miftuħa u qed nagħtu spazji miftuħa.” Saħaq dan il-Prim Ministru Robert Abela waqt l-inawgurazzjoni taż-Żona għall-Kunċerti fil-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali b’investiment ta’ kważi 16-il miljun ewro.
Il-Prim Ministru Abela sostna kif iż-żona li kienet fabbrika tal-konkrit u post abbandunat li spiċċa jintuża għal rimi illegali ta’ skart tal-kostruzzjoni, illum sar park rikreattiv li mistenni jilqa’ avvenimenti kbar u spazju aħdar miftuħ għall-familji.
Kien f’dan il-kuntest li l-Prim Ministru saħaq, li filwaqt li l-investiment f’setturi ekonomiċi huwa importanti u jrid ikun hemm fil-post it-tajjeb iżda sostna li daqstant ieħor irridu ninvestu fi proġetti bħal dawn li jagħtu ħajja aħjar lill-familji.
Dr Abela qal li dan il-proġett huwa parti minn kullana fl-akbar riġenerazzjoni ħadra li qed issir f’Ta’ Qali u hu eżempju ta’ proġetti li qed naraw fil-ħidma kollha li qed iwettaq il-Gvern madwar il-pajjiż kollu.
Irrimarka li b’dan l-aħħar proġett b’investiment ta’ iktar minn ħamsa u għoxrin elf metru kwadru, tajna post ieħor għall-familji. Sostna li l-aspett tal-kwalità tal-ħajja aħjar mhuwiex biss investiment f’setturi ekonomiċi iżda anki b’investiment ta’ proġetti ta’ livell għoli bħal dak f’Ta’ Qali, li jsaħħu lill-familji.
Il-Prim Ministru nnota wkoll kif iż-Żona għall-Kunċert se tagħti spazju ieħor lill-artisti u lit-talent sabiħ li għandu pajjiżna flimkien mal-potenzjal li Malta tibqa’ tiġbed lejha avvenimenti sbieħ.
Fil-fatt iż-żona bit-turf se toffri l-faċilitajiet u l-ispazju mdaqqas sew għar-rikreazzjoni tal-familji, li jkunu jistgħu jinġabru biex iqattgħu l-ħin liberu tagħhom.
Fost dawn il-faċilitajiet, din iż-żona se jkollha dressing rooms u backstage taħt l-art, klinika, control room tas-sigurtà, żewġ design kiosks u 144 toilet.
Minbarra hekk, l-ilma kollu għal din iż-żona se jittella’ minn ġibjun kbir li jinsab taħt l-ispazju aħdar tal-istess park. Iż-żona se tkun mgħassa b’kameras tas-sigurtà 24 siegħa kuljum.
Din iż-żona se tkun l-ewwel waħda tax-xorta tagħha f’pajjiżna u fl-aħħar kwart ta’ din is-sena mistennija tilqa’ fiha l-ewwel minn sensiela ta’ kunċerti internazzjonali.
Qabel l-inawgurazzjoni tkellem ukoll il-Ministru għat-Trasport, l-Infrasturttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett. Huwa spjega kif dan il-post jissimbolizza l-impenn bla waqfien tal-Gvern fil-ħidma tiegħu għal bidla pro-attiva li twassal għat-titjib tal-mod kif ngħixu u naħdmu.
Is-Segretarju Parlamentari għax-Xogħlijiet Pubbliċi Omar Farrugia qal li jemmen li dan il-post mhux se jkun biss il-post fejn it-tfal, iż-żgħażagħ, familji u l-anzjani Maltin u Għawdxin jiġu jirrilassaw, imma wkoll post fejn tista’ tagħmel memorji sbieħ,
Sadanittant il-Kap tat-Taqsima tal-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali Jason Micallef spjega kif iż-Żona għall-Kunċerti u park rikreattiv ġdid għall-famillji jżid mal-kullana ta’ spazji ħodor ġodda fil-Park Nazzjonali ta’ Malta f’Ta’ Qali. Dan skont il-viżjoni u l-pjan li f’Ta’ Qali titwettaq l-akbar riġenerazzjoni fuq spazji ħodor f’pajjiżna.