Ġie ffinalizzat proġett biex ittejjeb il-kapaċijiet tal-ajruplani tal-Forzi Armati ta’ Malta b’investiment li jlaħħaq it-tmin miljun ewro.
Il-proġett, parzjalment iffinanzjat minn fondi Ewropej, se jkun qed itejjeb is-sistemi ta’ wieħed mill-ajruplani KingAir biex b’hekk ikun jista’ jaqdi aħjar il-funzjonijiet waqt titjiriet fuq il-baħar.
Il-Kap Kmandant tal-Forzi Armati, il-Brigadier Clinton O’Neill, qal li l-proġett kien xprunat mill-obbligu li l-forzi armati għandhom bħala l-awtorità nazzjonali b’kapaċitajiet marittimi operattivi sinifikanti. Qal li b’dan it-tiġdid l-AFM qed jirexxielha testendi ż-żmien li l-ajruplan jista’ jibqa’ jintuża.
“Irnexxielna nibdlu affarijiet li huma obsolete fejn tidħol it-teknoloġija u nibdluhom b’affarijiet ġodda biex jagħtuna extensive lease of life fuq l-operat tal-ajruplan.”
Il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà u x-Xogħol, Byron Camilleri, innota l-importanza ta’ dan it-tiġdid.
“Sabiex inkomplu mhux biss nagħmlu użu minnu, iżda, fl-aħħar mill-aħħar, jgħinna u jgħin lis-suldati tagħna fit-twettiq tad-dmirijiet u x-xogħlijiet tagħhom. Bħala Gvern kommessi li nibqgħu nagħtu l-aqwa investment, l-aqwa għodda lis-suldati tagħna, lill-ħaddiema kollha tal-korpi dixxiplinati biex ikomplu jipproteġuna.”
Dan l-investiment jingħaqad mal-investiment ta’ tlieta u ħamsin miljun ewro s-sena li għaddiet meta nxtara l-bastiment P71. Dan apparti numru ta’ ftehimiet kollettivi li tejbu l-kundizzjonijiet tal-korpi dixxiplinarji kollha.