Mohammed Hamza, Libjan ta’ sebgħa u tletin sena li ġie akkużat bl-attakk ta’ raġel f’Raħal Ġdid ilbieraħ, inħeles mill-arrest wara li l-arrest tiegħu ġie ddikjarat bħala invalidu.
Il-Libjan ġie mixli li pprova jpoġġi l-ħajja tal-vittma f’periklu iżda waqaf milli jkompli jattakkah.
Huwa kien akkużat ukoll li kkawża ġrieħi gravi u kiser il-paċi pubblika.
L-avukati tiegħu kkontestaw il-validità tal-arrest.
Fil-Qorti ngħad li lbieraħ filgħodu għall-ħabta tad-disgħa u nofs, raġel daħal fl-għassa tal-Pulizija ta’ Raħal Ġdid liebes flokk imċappas bid-demm, u kellu d-demm ma’ wiċċu u idu.
Huwa poġġa fuq siġġu u qal lill-uffiċjal fl-għassa li d-demm ma kienx tiegħu iżda ta’ xi ħadd li kellu argument miegħu.
Sadanittant, daħal rapport ieħor dwar raġel li kellu bżonn l-għajnuna.
Huwa ġie attakkat b’mazza u għodda li taqta’ li tintuża biex jitpoġġa l-madum.
Irriżulta li kien il-kuntistabbli fl-għassa li nforma lill-akkużat li kien taħt arrest, u l-maġistrat tal-għassa kien informat fil-ħdax ta’ filgħodu.
Hawnhekk id-difiża kkontestat il-validità tal-arrest billi kkwotat il-Kodiċi Kriminali, li tgħid kif meta bniedem imur f’għassa tal-Pulizija b’mod volontarju, l-arrest għandu jiġi awtorizzat minn spettur, u l-maġistrat tal-għassa irid ikun informat ‘immedjatament’.
Il-Qorti ddikjarat li l-arrest ma sarx skont il-liġi u l-akkużat inħeles, wara li wieġeb mhux ħati.
Il-Qorti ordnat protezzjoni favur il-vittma.
Fid-dawl tal-gravità tal-akkużi u l-fatt li l-vittma għadu jrid jixhed, il-Qorti laqgħet it-talba tal-Prosekuzzjoni biex jiġu imposti l-kundizzjonijiet fuq l-akkużat minkejja li ma kienx hemm bail.
Il-Qorti ordnat lill-akkużat biex ma jitkellem ma’ ebda xhieda tal-Prosekuzzjoni, jattendi s-seduti kollha tal-Qorti, u li jintrabat b’garanzija personali ta’ tlett elef ewro.