Disa’ skemi tal-Malta Enterprise ġew imġedda u mtejba bil-għan li jkomplu jattwaw il-pjan ekonomiku tal-Gvern għall-ġejjieni. Fil-fatt, dawn l-iskemi jinċentivaw setturi ġodda tal-ekonomija biex ikomplu jwasslu innovazzjonijiet fis-servizzi u l-prodotti tagħhom, filwaqt li jinċentivaw ekonomiji f’setturi tradizzjonali ħallu jespandu l-operat tagħhom f’niċeċ ġodda.
Għaldaqstant, dawn l-iskemi jiffokaw fuq aspetti varji, b’mod partikolari r-riċerka u l-innovazzjoni kif ukoll it-tkabbir tal-ħiliet tal-ħaddiema, f’dawk li huma magħrufin bħala upskilling u reskilling.
Dwar dan spjega aktar il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise, Kurt Farrugia.
“Innovazzjoni u riċerka, allura qed inniedu l-R&D Scheme u anke l-Innovate li jgħinu lill-kumpaniji li jimpjegaw riċerkaturi mill-universitajiet u mill-istituzzjonijiet akkademiċi lokali u anke qegħdin nassistu biex kumpaniji jkunu aktar ambjentalment sostenibbli u anke aktar diġitali. Allura l-iskemi kollha qed jgħinu fit-target areas li l-Gvern irid jara li l-ekonomija timxi fis-snin li ġejjin.”
Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Enterprise Kurt Farrugia
Waqt konferenza tal-aħbarijiet ġie nnotat kif dawn l-iskemi tal-Malta Enterprise s’issa raw investiment li jlaħħaq il-mija u disgħin miljun ewro maqsumin lil aktar minn mitejn benefiċċjarju.
Ma’ dan l-istazzjon, il-Ministru għall-Ekonomija, Silvio Schembri, innota kif, fost l-oħrajn, dawn l-għajnuniet qed jikontribwixxu fit-tkabbir ekonomokui ta’ pajjiżna, li hu l-akbar fost il-pajjiżi kollha tal-Unjoni Ewropea, bħalma hu mistenni li jkun is-sena d-dieħla wkoll.
Saħaq kif dan ma jfissirx li, allura, dawn l-iskemi ma jibqgħux jiġu aġġornati għall-ħtiġijiet tal-lum.
“Bħala Ministru diġà tkellimtha u qed nerġa’ ngħidha li l-focus, il-mira, li ssettjajt għal din is-sena, mhux biss li jkollna l-akbar rata ta’ tkabbir, imma li jkollna l-akbar rata ta’ investiment dirett barrani għal din is-sena. Dan kollu qed nagħmluh għax b’hekk inkunu qed nassiguraw li jkollna investiment li jkun jista’ jiggarantixxi pagi aħjar u hemmhekk allura l-livell tal-għajxien ikompli javvanza ’l quddiem.”
Il-Ministru Silvio Schembri