“Ivvota lill-PN biex tiġbed widnejn il-Gvern.” Kien b’dan il-mod li d-Deputat u kandidat Nazzjonalista għall-Parlament Ewropew David Agius indirizza l-ewwel dibattitu mtella’ mill-Awtorità tax-Xandir bit-tema ‘L-Ewropa f’Salib it-Toroq’.
Fil-fatt, fost argumenti tipiċi ta’ żmien GonziPN, David Agius qal hekk:
“Għandek opportunità li m’intix se tbiddel Gvern, imma tista’ tiġbidlu widnejh.”
David Agius
“Billi fit-8 ta’ Ġunju tuża l-vot tiegħek kif għandek tużah biex tagħti tbeżbiża lill-Partit Laburista.”
David Agius
Tul id-dibattitu, Agius reġa’ kompla fuq ir-retorika li qabad il-Partit Nazzjonalista, dik favur l-armamenti. Din id-darba, Agius żeffen lill-Korp tal-Pulizija biex jipprova jġaħġaħha wara li, ftit tal-ġimgħat ilu, iddikjara li lest jibgħat lil ulied il-Maltin u l-Għawdxin jiġġieldu fil-gwerer ta’ ħaddieħor.
“U mela ma rridux li jkollna armata b’saħħitha, daqskemm ma rridux li jkollna l-Pulizija b’saħħithom, daqskemm ma rridux li anke hawn Malta biex jiddefenduna l-Pulizija tagħna jkunu bl-aqwa armamenti li jkun hemm bżonn. Għax hekk irriduhom lill-Pulizija tagħna biex jiddefenduna biex ikollna l-paċi.”
David Agius
Fid-dawl ta’ dan l-atteġġjament, il-kandidat Laburista għall-elezzjoni tal-Parlament Ewropew Steve Ellul nnota din il-politika favur l-armamenti li qed ikompli jimbotta l-Partit Nazzjonalista.
“U għalhekk jiddispjaċini jiena llum il-ġurnata meta nara membri Parlamentari Ewropej li jibżgħu jitkellmu fuq il-paċi, li Malta jgħidu ħaġa u barra jgħidu mod ieħor. Ninkwieta ħafna meta nara tant enerġija min-naħa tal-Grupp Parlamentari tal-Partit Nazzjonalista fl-Ewropa biex jinxtraw aktar armamenti.”
Steve Ellul
Bħalma nnota l-Prim Ministru Robert Abela, Steve Ellul tkellem dwar ix-xewqa li għandu għall-kwalitajiet li għandhom iħaddnu l-Ewroparlamentari Maltin, kwalitajiet li Dr Abela nnota f’kull kandidat Laburista.
“Jiena rrid li kull min ikun membru Parlamentari Ewropew jara li jagħmel politika li tagħmel sens għan-nies tagħna li ma jipprovawx jagħtu l-gambetti lill-Gvern Malti u nispiċċaw imbagħad li nkunu qed nweġġgħu l-familji Maltin u Għawdxin.”
Steve Ellul