Is-sit awtorevoli Forbes irrapporta li l-bajja ta’ Għajn Tuffieħa, fil-limiti tal-Imġarr, ikklassifikat l-aqwa waħda fost l-isbaħ ħmistax-il bajja fl-Ewropa kollha.
Il-lista miġbura mill-organizzazzjoni European Best Destinations, l-EBD, hi bbażata fuq il-voti ta’ aktar minn mitt elf vjaġġatur minn madwar id-dinja u tikklassifika l-aqwa bajjiet, skont il-popolarità tagħhom, l-avventura u l-attrazzjonijiet għall-familja kollha jew b’attivitajiet sportivi sa mixjiet romantiċi fin-natura mhux mittiefsa, u saħansitra l-aktar siguri għall-vaganzi Ewropej.
Il-Bajja ta’ Għajn Tuffieħa għelbet kull kompetizzjoni minn bajjiet oħrajn, bħal dawk f’destinazzjonijiet ukoll popolari, inkluż fil-Gżejjer Kanarji, fl-Italja, l-Albanija u fil-Greċja, li għandha ħames bajjiet fuq il-lista biex spiċċat l-aktar pajjiż ippremjat fir-rankings ta’ din is-sena.
Minkejja dan, l-ebda waħda ma resqet qrib il-bajja meraviljuża fil-Majjistral ta’ pajjiżna, li prattikament tattira lil kull turist li jżurna, bl-għoljiet glorjużi tagħha, ir-ramel dehbi u anke l-fdalijiet Rumani fil-viċinanzi.
Skont l-EBD, “il-bajja toffri livell għoli ħafna ta’ ndafa u servizzi. Restoranti, snack bars, sunbeds u attivitajiet tal-baħar huma wkoll disponibbli”, waqt li saret referenza wkoll li fil-qrib hemm ukoll aċċess għall-arċipelagu kollu Malti, inklużi Kemmuna bil-Blue Lagoon tagħha u Għawdex.
L-organizzazzjoni tirrakkomanda lil pajjiżna bħala destinazzjoni unika li toffri attivitajiet varji fuq barra, li jinkludu l-hiking, avventuri bir-roti, horse riding, l-għadis u sports ieħor akkwatiku għall-maħbubin, il-familji u dawk kollha li jħobbu l-ikel.
Forbes kompla jirrapporta li Malta wkoll diġà hi kklassifikata bħala l-aqwa destinazzjoni għall-komunità LGBTIQ+, kif ukoll l-aqwa destinazzjoni għall-għadis fl-Ewropa, fost l-aqwa destinazzjonijiet għall-familji u t-tielet l-aqwa destinazzjoni li għandek iżżur fl-Ewropa fl-2024.
Dan kollu jikkumplimenta l-investimenti kbar li għadhom isiru mill-Gvern, permezz tal-Ministeru u l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, biex mhux biss seħħ l-irkupru sħiħ mill-pandemija u saħansitra reġa’ nkiser ir-rekord ta’ turisti annwali, iżda wkoll biex jiġu attirati turisti ta’ kwalità ogħla, li jqattgħu iżjed żmien u jonfqu iżjed fostna.