Il-Ħamis filgħaxija bdiet tintlagħab l-aħħar ġurnata tal-Kampjonat Premier, fejn fl-ewwel partita li kellna fic- Centenary Stadium Sliema Wanderers lagħbu kontra Sirens f’partita li kienet biss formalità hekk kif il-pużizzjoni taż-żewġ timijiet kienet diġa finali qabel dan il-konfront. Filfatt Sliema spiċċaw l-kampjonat fit-tielet post filwaqt li Sirens spiċċaw il-kampjonat fit-13 il-post u għalhekk staġun ieħor se jilgħabu fic-Challenge League.
Din il-partita bdiet fuq ritmu kajman ħafna bl-ewwel azzjoni tal-partita waslet fis-sebgħa minuta minn Sirens meta wara azzjoni fit-tul l-ballun wasal għand Degran Jackson li għadda l-ballun mal-ewwel lill-Andreas Harrison Panayiotou li kellu x-xutt fil-baxx tiegħu salvat mill-goalkeeper Sliemiż fil -ġurnata Timothy Aquilina.
Sliema wieġbu bl-ewwel azzjoni tagħhom erbgħa minuti wara meta kien Lydon Micallef li wara li qabeż xi plejers prova konklużjoni, bil-ballun eventwalment spiċċa għand Abdulahi Mohamed Awad li kellu x-xutt angolat tiegħu jgħaddi barra.
Minuta wara u reġgħu Sliema bi freekick dirett ta’ Neil Frendo li għadda barra.
Sliema marru fil-vantaġġ fl-20 minuta minn penalty meta Daniel Borrero Murillo waqqa’ fil-kaxxa lill-Jake Engerer, bir-referi Daniel Casha ordna penalty. Inkariga ruħu mill-penalty Danill Kondrakov li b’xutt fil-baxx għeleb lill-goalkeeper Andrea Cassar u għamel l-iskor 1-0.
Fis-36 minuti wieġbu Sirens minn corner ta’ Daniel Agius, bil-ballun spiċċa għand Konstantinos Ntampizas li ra l-konklużjoni bir-ras tiegħu tkun salvata mil-goalkeeeper Aquilina.
Fl-azzjoni li segwiet żewġ minuti wara Sliema kabbru l-marġini ta’ l-iskor meta kien Jake Engerer li tefa korss li sab lill- Danill Kondrakov li b’konklużjoni perfetta tefa’ l-ballun fix-xibka biex għaqqad dopjetta u għamel l-iskor 2-0.
Fl-40 minuta għall-darbohra kienu l-Blues meta Danill Kondrakov għadda ballun lill- Lydon Micallef li wara li avvanza fil-kaxxa prova kross fil-baxx li kien mdawwar f’corner mid-difiża ta’ Sirens.
Żewġ minuti wara u kien Abdulahi Mohamed Awad li wara li avvanza kellu x-xutt fil-baxx u fjakk tiegħu newtralizzat bla problemi mill-goalkeeper Andrea Cassar.
Fil-50 minuta assistejna għall-ewwel azzjoni tat-tieni taqsima meta wara ballun fit-tul kien Jake Engerger li avvanza u prova jikkonkludi, iżda kien l-goalkeeper Andre Cassar li salva kif seta’.
Erbgħa minuti wara u Sliema mill-ġdid kabbru l-vantaġġ meta kien Neil Frendo li b’azzjoni personali baqa’ javvanza u appena wasal f’tarf l-kaxxa b’xutt sabiħ tefa’ l-ballun fix-xibka u lill-Sliema komdi komdi b’vantaġġ ta’ tlett gowls.
Wara dan l-gowl kien hemm skarsezza f’dawk li huma azzjonijiet tant li kellna nistennew sat- 80 minuta meta kien s-sostitut Nicholas Strickland li wara li rċieva ballun, avvanza w ixxutja għoli.
Erbgħa minuti mit-tmien u kien freekick dirett tas-sostitut Samuel Mata Da Gomez li ħabat mal-lasta u ntemm f’corner.
Fis-87 minuta Sirens taw d-debutt lill-goalkeeper żagħżugħ Matthew Grima li daħal jilgħab minflok l-goalkeeper Andrea Cassar.
Referee: Daniel Casha
BOV Plejer tal-logbħa : Daniel Kondrakov (Sliema Wanderers)