Il-kandidata tal-Partit Nazzjonalista Roberta Metsola reġgħet irrifjutat stedina għal dibattitu fost il-kandidati fl-istess elezzjoni li se tikkontesta hi, dik tal-Parlament Ewropew tat-8 ta’ Ġunju li ġej.
Fis-Sala Sir Temi Zammit, fl-Università ta’ Malta, ġie organizzat dibattitu mill-Kunsill Studenti Universitarji bejn numru ta’ kandidati, inklużi dawk tal-Partit Laburista Daniel Attard u Marija Sara Vella Gafà. Fost l-oħrajn, ġew ittrattati diversi setturi fuq livell Ewropew, fosthom id-difiża.
Kien hawn li l-kandidat Laburista Daniel Attard staqsa lill-moderatur u President tal-KSU, Jeremy Mifsud Bonnici, jekk setax jikkonferma li l-Ewroparlamentari u kandidata Nazzjonalista Roberta Metsola rrifjutat li tilqa’ l-istedina biex tkun preżenti għall-istess dibattitu.
Tikkonfermaw illi għamiltu stedina lil Roberta Metsola u tibqa’ tirrifjuta illi tiddibatti?
Daniel Attard, kandidat Laburista
Iva
Jeremy Mifsud Bonnici, moderatur u President KSU
Din ma kinitx l-ewwel darba li Metsola rrifjutat stediniet simili u allura ma ħaditx sehem f’diskussjonijiet ma’ kandidati oħrajn.
Sadanittant matul l-istess dibattitu fl-Università, Ivan Grech Mintoff mill-Partit ABBA reġa’ kien qanqal il-kontroversja hekk kif gara bajda quddiem il-moderaturi u l-kandidati kollha, wara li qam minn postu u eventwalment telaq ’il barra mis-sala.
Wara dan l-episodju, il-kandidat Nazzjonalista Peter Agius, sostna li, kemm-il darba l-bajd jintefa’ fid-direzzjoni tal-Prim Ministru Robert Abela jew l-eks Prim Ministru Joseph Muscat, fiha u ma fihiex.
L-ewwel nett nikkundanna dan l-att bla sens. Meta waddabha lil Robert Abela tgħid fiha u ma fihiex, dan qed jikkontrolla l-ġudikatura u jgħidilhom terroriżmu ġudizzjarju. Kieku waddabha lil Joseph Muscat kont ngħid prova jaħrab il-ġustizzja.
Peter Agius, kandidat Nazzjonalista