Il-Partit Laburista ppreżenta formalment id-disa’ kandidati tiegħu għall-Elezzjoni tal-Parlament Ewropew fit-8 ta’ Ġunju li ġej.
Abela Baldacchino Claduette, Agius Saliba Alexander Matthew, Attard Daniel John, Azzopardi Flores Clinton-Domenic, Bajada Thomas, Bonello Jesmond, Ellul Steve, Marshall Jesmond u Vella Gafà Marija Sara.
Dan hu t-tim b’saħħtu, li flimkien mal-kandidati għall-Elezzjonijiet tal-Kunsilli Lokali, qed iħaddnu l-għajta “Is-Saħħa lill-Maltin” u li l-poplu Malti u Għawdxi għandu joħroġ bi ħġaru u jivvota lilhom.
Il-Prim Ministru u Mexxej Laburista Robert Abela, bil-kandidati Laburisti warajh, saħaq kif għall-Gvern, għall-Partit Laburista, in-nies u l-kwalità tal-ħajja tagħhom se jibqgħu prijorità u ċ-ċentru tal-ħidma li titwettaq.
Dr Abela indirizza kandidat, kandidat u semma l-kwalitajiet li dawn iħaddnu u għaliex huma l-aqwa għażla għall-Maltin u Għawdxin.
Min jiġi elett, se jiżgura wkoll li jaħdem favur il-paċi u n-newtralità – ħaġa li dejjem ħaddan il-Partit Laburista tul is-snin.
Ma naqasx li l-Prim Ministru jsemmi kif dan kien Gvern li qatt ma ħalla lil ħadd waħdu u l-Ewroparlamentari Laburisti se jibqgħu jżommu sod biex fiċ-ċentru tal-ħidma jipproteġu lill-familji, lill-ħaddiema u lin-negozji u għalhekk jibqa’ jagħti serħan il-moħħ.
Il-konnettività, l-ekonomija b’saħħitha, id-difiża, is-sigurtà, il-kompetenza nazzjonali huma temi li wkoll għamel aċċenn fuqhom Dr Abela.
Hu temm billi qal li fuq kollox il-prinċipji tal-Partit Laburista fi Brussell hu “li nmorru għal, Malta, nitkellmu f’isem il-Maltin u l-Għawdxin. Għalhekk ‘Is-Saħħa lill-Maltin’.”